Lokali

Rabta bejn John Dalli u l-kumpanija tal-awditjar ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri

Konrad Mizzi (xellug), Keith Schembri (nofs), John Dalli (lemin)
Il-kumpanija li għamlet l-awditjar ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri hija kumpanija b'rabta ma' kumpanija oħra li għamlet l-awditjar ta' 'Tyre Limited', kumpanija li għandha rabtiet ma' John Dalli, u li qed tiġi investigata mill-FBI.

Il-gazzetta The Malta Independent on Sunday żvelat rabta bejn il-kumpanija li għamlet l-awditjar ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u l-kumpanija li għamlet l-awditjar ta’ kumpanija misterjuża b’rabtiet ma’ John Dalli u li allegatament ffrodat numru ta’ investituri barranin.

F’Lulju li għadda, l-istess gazzetta kienet żvelat li l-FBI tal-Amerika qed tinvestiga l-kumpanija Tyre Limited – kumpanija reġistrata fuq l-indirizz ta’ John Dalli f’Portomaso, u li kriet villa fil-Bahamas fejn allegatament qagħad John Dalli f’numru ta’ żjarat fil-Bahamas.

Skont The Malta Independent, l-awditjar tal-kumpanija Tyre Limited sar mill-kumpanija ‘Horwath Malta’, kumpanija li tifforma parti minn grupp internazzjonali ta’ kumpaniji li fih hemm ukoll il-kumpanija li għamlet l-awditjar ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Filfatt, l-awditjar ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri sar mill-kumpanija ‘Crowe Horwath (New Zealand)’, parti mill-grupp ‘Crowe Horwath International’, l-istess li grupp li fih hemm il-kumpanija Maltija ‘Horwath Malta’.

F’Ottubru l għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal lill-media li l-audit kellu jsir minn kumpanija internazzjoanli kbira indipendenti. L-isem tal-kumpanija baqa’ mistur għal xhur sħaħ anke jekk l-istess rapport kien ilu ħafna lest, iżda ġie ppubblikat biss fl-aħħar jiem, fl-istess ġimgħa li kien hawn il-Kumitat PANA f’Malta jinvestiga l-iskandlu tal-Panama.

Issa jirriżulta li l-kumpanija li għamlet l-awditjar ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri hija kumpanija b’rabta ma’ kumpanija li għamlet l-awditjar ta’ kumpanija li għandha rabtiet ma’ John Dalli, u li qed tiġi investigata mill-FBI.