Futbol Sport

Dene Shields jirbaħ il-Plejer tax-Xahar ta’ Jannar tal-GFA

Dene Shields rebaħ kull unur f'Għawdex

L-attakkant Skoċċiż ta’ Xewkija Tigers, Dene Shields ġie vvutat bħala l-aqwa plejer għax-xahar ta’ Jannar. Shields skurja l-gowl deċiżiv fir-rebħa ta’ Xewkija ta’ 1-0 fuq SK Victoria Wanderers kif ukoll it-tieni gowl meta t-tim rebaħ kontra Xagħra United 2-0 biex żammew il-post tagħhom fil-quċċata fil-BOV GFA Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Shields, li għandu 34 sena, stabbilixxa ruħu fl-irwol ta’ skorer ewlieni ta’ Xewkija, u l-waqfa għal żmien il-Milied tidher li ġabet lilu fl-aqwa forma tiegħu, hekk kif jidher li qed jixpruna lil Xewkija lejn ir-rebħ tal-aqwa titlu fil-futbol f’Għawdex għal dan l-istaġun.

L-Iskoċċiż rebaħ kull unur ewlieni fil-futbol Għawdxi fejn kien ukoll l-aqwa skorer tal-kampjonat għal żewġ staġuni konsekuttivi bejn l-2012 u l-2014. Horace Laudi, il-Manager Reġjonali għal Għawdex tal-Bank of Valletta ippreżenta t-trofew tal-aqwa plejer tax-xahar. Shields għażel il-Fondazzjoni Arka biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.