Lokali

Jammettu l-akkużi ta’ moħqrija tal-annimali

Ritratt mill-Arkivji
L-Ispettur Roderick Agius għall-Prosekuzzjoni, spjega li l-pulizija daħlitilha informazzjoni li kien qed isir ġlied tas-sriedak fir-razzett fl-inħawi msemmija. Waqt operazzjoni konġunta minn diversi sezzjonijiet tal-pulizija, huma marru u iċċirkondaw il-post u meta daħlu, saret spezzjoni u kien hemm numru ta' arresti.

Tliet irġiel li lbieraħ inqabdu jassistu għal ġlied ta’ sriedak f’razzett fil-Ħandaq, limiti ta’ Ħal Qormi, ammettew li matul dan ix-xahar u fix-xhur ta’ qabel kien żammew annimali f’kundizzjonijiet li jammontaw għal moħqrija.

Johann Saliba ta’ 37 sena minn Birkirkara, Matthew Micallef ta’ 21 sena, ukoll minn Birkirkara  u Adrian Pace ta’ 22 sena minn Ħal Qormi, dalgħodu tressqu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella akkużati wkoll li naqsu milli jħarsu l-annimali b’mod xieraq bir-riżultat li ma kienux protetti minn uġiegħ, tbatija, korriment u mard.

L-Ispettur Roderick Agius għall-Prosekuzzjoni spjega li l-pulizija daħlitilha informazzjoni li kien qed isir ġlied tas-sriedak fir-razzett fl-inħawi msemmija. Waqt operazzjoni konġunta minn diversi sezzjonijiet tal-pulizija, huma marru u iċċirkondaw il-post u meta daħlu, saret spezzjoni u saru numru ta’ arresti.

L-Ispettur kompla li kien hemm ammont kbir ta’ nies u wara investigazzjoni, irriżulta li t-tliet imputati ipprattikaw il-ġlied tas-sriedak fil-jiem u x-xhur li għaddew.

L-Avukati difensuri argumentaw li l-klijenti tagħhom kellhom fedina penali nadifa u kkollaboraw fi stadju bikri tal-investigazzjoni. Huma emfasizzaw li fl-attivita’ tal-bieraħ huma kienu biss spettaturi iżda ammettew li kienu involuti f’xi ġlied tas-sriedak fil-ġranet ta’ qabel. Għal dan kollu, u għall-fatt li l-koperazzjoni tagħhom mistennija twassal għal iktar arresti, l-avukati talbu li l-piena tqarreb lejn il-minimu.

Il-Maġistrat Gabriella Vella iddiferiet il-każ għal għada għall-għoti tas-sentenza. Hi laqgħet it-talba għall-liberta’ proviżorja fuq garanzija personali ta’ €10,000.

L-Avukat Ludwig Caruana deher għal Adrian Pace, l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għal Johann Saliba u l-Avukat Edward Gatt deher għal Matthew Micallef.

L-Ispetturi Roderick Agius u Colin Sheldon qed imexxu l-Prosekuzzjoni.