Lokali

Konrad Mizzi jmexxi l-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija

Il-Ministru Konrad Mizzi dalgħodu mexxa l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea tal-Enerġija fi Brussell, xi ħaġa li għall-Partit Nazzjonalista tikkonferma kemm Joseph Muscat lest jarmi isem pajjiżna, basta jgħatti xturu.

Konrad Mizzi huwa l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha jpoġġi miljun ewro fis-sena ġejjin mill-commissions. Kif spjegaw il-membri tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew tal-PANA, dan il-każ hu textbook case of money laundering. Il-ħasil tal-flus huwa reat kriminali li jġib miegħu tmintax-il sena priġunerija.

Il-Partit Nazzjonalista qal li flok imexxi l-Kunsill Ewropew, Konrad Mizzi suppost qed jiġi investigat mill-Pulizija, li iżda, għadha m’għamlet xejn wara li rċeviet ir-rapport tal-FIAU – l-aġenzija li tinvestiga l-frodi u l-ħasil ta’ flus – is-sena li għaddiet.

Id-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jibqa’ għaddej turi li mhux biss lest jinjora xi jħossu n-nies imma lest jarmi wkoll isem pajjiżna. Basta jgħatti xturu., temm jgħid il-Partit Nazzjonalista