Lokali

L-għaqda tal-boathouses tal-Armier tabbanduna l-appell

Armier Developments Limited, li tirrappreżenta is-sidien tal-kmamar fl-Armier, abbandunat l-appell li kellu jibda jinstema’ llum dwar sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.

Quddiem il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, kienet infurmata mill-Avukat tas-sidien li mhux se jkomplu bil-kawża tal-Appell.

Fit-28 ta’ Ġunju 2013, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Anthony Ellul, iddikjarat li l-bini ta’ 12-il kamra fuq art pubblika fil-limiti tal-Armier kien illegali.

Dakinhar, il-Qorti ddikjarat li korrispondenza bejn il-Gvern u Armier Developments Ltd m’hix kuntratt li jorbot u ordnat l-iżgumbrar ta’ dawn il-binjiet illegali.

“Kwalunkwe trasferiment ta’ art pubblika għandu jsir skont il-liġi u x-xatt qatt ma jista’ jiġi privatizzat, trasferiment ta’ din l-art għal bini ta’ caravans tista’ ssir biss b’kera sa massimu ta’ 10 snin” tenna l-Imħallef Ellul.

Din is-sentenza ta’ 4 snin ilu kienet milqugħa mill-għaqdiet ambjentali bħala waħda storika, iżda f’kummenti lill-mezzi tax-xandir ftit jiem wara, il-President tal-għaqda tal-boathouses Tarcisio Barbara kien fiduċjuż li se jintlaħaq ftehim mal-Gvern dwar il-kwistjoni.

Il-Professur Ian Refalo deher għal Armier Developments Limited filwaqt li l-Avukati Nadia Vella u Mireille Sacco dehru għan-nom tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Artijiet.