Rugby Sport

L-Ingilterra titħabat aktar milli mistenni biex tirbaħ lill-Italja fis-Six Nations

Luke McLean tal-Italja jipprova jwaqqaf lil Jonny May (Ritratt: EPA)

It-tamiet li l-Ingilterra jirbħu żewġ Grand Slams konsekuttivi baqgħu ħajja wara rebħa ta’ 36-15 kontra l-Italja fi Twickenham Stadium. Iżda r-rebħa waslet bi tbatija hekk kif iċ-Champions daħlu jistrieħu 10-5 minn taħt, fl-agħar taqsima taħt it-tmexxija ta’ Eddie Jones.

Anki meta l-Ingilterra marru 17-10 minn fuq kmieni fit-tieni taqsima, is-centre tal-Italja Michele Campagnaro, għamel try mas-siegħa logħob u l-vantaġġ niżel għal żewġ punti.

L-Italja setgħu ħarġu mil-logħba b’rebħa hekk kif il-fly-half Tommaso Allan falla tliet penalties u l-full-back Edoardo Padovani, falla conversion. Minflok kienu l-Ingliżi, li kisbu t-23 rebħa f’Test kontra l-Italja, wara żewġ tries tard fil-logħba minn Jack Nowell u Ben Te’o li għalqu l-partita. Din ir-rebħa fissret ukoll li kienet is-17-il waħda konsekuttiva, biex issa jinsabu biss rebħa bogħod mir-rekord ta’ New Zealand.