Futbol Sport

Leicester jirbħu fl-ewwel logħba mingħajr Ranieri

Jamie Vardy jiskurja t-tielet gowl għal Leicester (Ritratt: EPA)

Leicester kisbu l-ewwel rebħa tas-sena 2017 meta b’wirja mill-aqwa għelbu lil Liverpool 3-1, f’dik li kienet l-ewwel logħba mingħajr il-kowċ Claudio Ranieri li tneħħa mill-kariga l-ġimgħa l-oħra. B’din ir-rebħa, iċ-Champions inqalgħu miż-żona l-ħamra u telgħu fil-15-il post, bit-tim fil-ġurnata jkun taħt it-tmexxija ta’ Craig Shakespeare.

Il-Foxes marru fil-vantaġġ fit-28 minuta meta kien Jamie Vardy li avvanza, daħal fil-kaxxa u b’xutt minn pożizzjoni ftit angolata għeleb lil Simon Mignolet. Huma rduppjaw fl-40 minuta bi ġmiel ta’ gowl minn Danny Drinkwater li għeleb lil Mignolet b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa.

L-iskor kompla jikber mas-siegħa logħob, meta reġa’ kien Jamie Vardy li b’daqqa ta’ ras għar-rokna skurja t-tielet għal Leicester. Liverpool skurjaw il-gowl tal-bandiera fit-68 minuta permezz ta’ Coutinho iżda ma rnexxielhomx jidħlu aktar fil-partita biex isalvaw xi ħaġa mil-logħba.