Lokali

Muscat beda jara t-telfa ġejja – Il-Partit Nazzjonalista

Għax beda jxomm it-telfa ġejja, Muscat u l-Ministri tiegħu bdew kampanja ta’ biża fejn, f’temp ta’ 24 siegħa diġà beżżgħu darbtejn bil-possibilità ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista. Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ministru Edward Scicluna

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu mhux talli m’għandux għal xiex jibża’ mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, iżda talli jista’ jserraħ rasu. Fost l-oħrajn, Gvern ġdid Nazzjonalista:

  • jinvestiga u jnaddaf il-korruzzjoni li ħarbtet il-pajjiż bi skandli ma jaqtgħu xejn taħt Muscat;
  • jagħti lin-negozju sens ta’ serenità li jistgħu jinvestu f’pajjiż nadif u trattati b’mod ġust;
  • ibaxxi l-income tax għan-negozji żgħar kollha għal 10% biss fuq l-ewwel €50,000;
  • iwaqqaf il-frakass ta’ Muscat fil-qasam ambjentali u jdawwar il-ħarsien tal-ambjent f’vantaġġ ekonomiku;
  • isolvi l-problema tat-traffiku li pparalizzat pajjiż;
  • u jgħin liż-żgħir li ntesa għal kollox minn Muscat, speċjalment il-ħaddiema li ma jistgħux ilaħħqu bil-paga, il-pensjonanti li ma jistgħux jgħixu bil-pensjoni u dawk li qed isibuha diffiċli jsibu saqaf fuq rashom.

Wara erba’ snin jinjora, imbagħad jirredikola, imbagħad jattakka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, issa Joseph Muscat qabdu paniku u nesa’ l-pożittività falza tiegħu u minflok beda jbeżża’ bil-babaw. Iżda għan-nies kollha ta’ rieda tajba, it-tbeżżiegħ ta’ Joseph Muscat dwar il-Partit Nazzjonalista mhu xejn ħlief gidba oħra.