Futbol Sport

Roma jsaħħu t-tieni post b’rebħa importanti f’San Siro

Radja Nainggolan jiskurja t-tieni gowl għal Roma (Ritratt: EPA)

Roma reġgħu jinsabu seba’ punti taħt Juventus fil-kampjonat tas-Serie A, meta barra minn darhom għelbu lil Inter 3-1 biex kisbu l-ewwel rebħa fi tliet snin f’San Siro kontra n-Neroazzuri. Roma marru fil-vantaġġ fit-12-il minuta b’konklużjoni mill-isbaħ ta’ RADJA NAINGGOLAN minn tarf il-kaxxa li għelbet lil Handanovic. Huma rduppjaw fis-56 minuta meta minn kontrattakk veloċi, reġa’ kien RADJA NAINGGOLAN li għamel l-ispazju għalih u b’xutt b’saħħtu ma ta l-ebda ċans lil Handanovic.

Inter daħlu fil-partita fil-81 minuta meta MAURO ICARDI skurja s-16-il gowl tiegħu fil-kampjonat wara li daħal tajjeb għal kross mil-lemin. Iżda Roma għalqu l-logħba fil-85 minuta meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Medel fuq Dzeko. Mill-11-il metru, DIEGO PEROTTI ma żbaljax.

Milan kisbu rebħa importanti meta fil-Mapei Stadium għelbu lil Sassuolo 1-0. Sassuolo kellhom iċ-ċans li jmorru fil-vantaġġ wara 12-il minuta iżda Domenico Berardi ra l-penalty tiegħu jgħaddi barra. Milan skurjaw dak li kellu jkun il-gowl deċiżiv fit-22 minuta meta kien CARLOS BACCA li minn penalty għeleb lil Andrea Consigli minkejja li max-xutt żelaq, biex skurja l-ewwel gowl tiegħu mis-16 ta’ Jannar.

Rebħa prezzjuża wkoll għal Lazio li fi Stadio Olimpico għelbu lil Udinese 1-0 biex baqgħu tliet punti fuq ir-Rossoneri. Il-gowl deċiżiv wasal fit-72 minuta minn penalty tal-attakkant CIRO IMMOBILE, li skurja 14-il gowl tal-istaġun b’konklużjoni b’saħħitha.

Palermo kienu qrib rebħa importanti iżda kellhom jikkuntentaw bi draw fir-Renzo Barbera kontra Sampdoria. Kien ILIJA NESTOROVSKI li fetaħ l-iskor fil-31 minuta permezz ta’ penalty. Iżda Sampdoria salvaw punt mill-partita fid-90 minuta meta FABIO QUAQLIARELLA rċieva mingħand Muriel u b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Posavec.

Rebħa fi Stadio Bentegodi għal Chievo li għelbu lil Pescara ta’ Zeman 2-0. VALTER BIRSA fetaħ l-iskor għat-tim ta’ Maran fit-12-il minuta, biex LUCAS CASTRO żied ieħor mas-siegħa logħob.

Genoa u Bologna spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fi Stadio Marassi. FEDERICO VIVIANI fetaħ l-iskor għat-tim ta’ Donadoni fis-57 minuta, iżda kellhom ikomplu l-logħob bi plejer anqas kwarta mit-tmiem wara li tkeċċa Vasilios Torosidis. Genoa salvaw ir-riżultat fid-90 minuta b’gowl ta’ OLIVIER NTCHAM.

Cagliari komplew jinqatgħu miż-żona l-ħamra meta barra minn darhom għelbu lil Crotone 2-1. Kien ADRIAN STOIAN li fetaħ l-iskor għal Crotone, iżda JOAO GALVAO ġab id-draw għas-Sardi. Cagliari skurjaw il-gowl tar-rebħ fid-69 minuta permezz tal-veteran MARCO BORIELLO li skurja l-11-il gowl tal-kampjonat.