Lokali Qorti

Tammetti li ħalliet lil uliedha ta’ 9 snin u 11-il sena waħedhom għal iktar minn ġimgħa

L-Ispettur Roderick Agius irrimarka li meta l-pulizija marru fuq il-post, kien innutat li l-problema ma kienitx waħda akuta għaliex iż-żewġt itfal dehru pjuttost indipendenti minkejja l-eta' tenera tagħhom. Jidher li din hi xi ħaġa komuni fiċ-Ċina u l-imputata ma tafx li din mhux aċċettabbli fil-kuntest Malti. Fid-dawl ta' dan, il-Prosekuzzjoni mhux qed titlob piena ta' priġunerija effettiva.

Mara ta’ 35 sena ta’ nazzjonalita’ Ċiniża iżda residenti Ħal Qormi inżammet taħt arrest sakemm għada tingħata s-sentenza wara li ammettiet li ħalliet lil uliedha ta’ 9 snin u 11-il sena waħedhom għal iktar minn ġimgħa meta siefret lejn il-Polonja, allegatament għall-kura.

Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, l-Ispettur Paula Ciantar qalet li fid-9 ta’ Frar il-Pulizija irċeviet rapport li żewġt itfal ta’ 9 snin u 11-il sena jinsabu waħedhom id-dar. Il-Pulizija għamlet kuntatt ma’ missier it-tfal, li hu ta’ nazzjonalita’ Pollakka u jgħix f’dan il-pajjiż. Hu ġie Malta immedjatament fejn iddikjara li ma kien jaf xejn dwar il-fatt li uliedu kienu waħedhom id-dar.

L-Ispettur kompliet li l-akkużata irritornat Malta jumejn ilu u l-pulizija arrestatha mal-wasla tagħha wara li l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo awtorizzat mandat ta’ arrest.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Roderick Agius irrimarka li meta marru fuq il-post, kien innutat li l-problema ma kienitx waħda akuta għaliex iż-żewġt itfal dehru pjuttost indipendenti minkejja l-eta’ tenera tagħhom. Jidher li din hi xi ħaġa komuni fiċ-Ċina u l-imputata ma tafx li din mhux aċċettabbli fil-kuntest Malti. Fid-dawl ta’ dan, il-Prosekuzzjoni mhux qed titlob piena ta’ priġunerija  effettiva.

Il-Maġistrat Gabriella Vella iddiferiet il-kawża għal għada għas-sentenza. L-akkużata inżammet taħt arrest preventiv.

L-Avukat tal-għajnuna legali Francine Abela assistiet lill-akkużata.