Lokali

Tħassib mill-Kamra tal-Kummerċ dwar in-nuqqasijiet ta’ dan il-Gvern

In-nuqqas ta’ governanza tajba, in-nuqqas ta’ stabilita’ politika u t-trasparenza huma fost l-elementi li qed jinkwetaw il-komunita’ kummerċjali.

Dan qalu l-President tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ, Anton Borg, waqt laqgħa li l-Kamra kellha mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fid-diskors tiegħu Anton Borg qal li l-komunita’ kummerċjali qed tibża li sejrin lura fejn tidħol il-kompetittivita minħabba r-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ trasparenza u l-integrita’ tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Hawn il-President tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ rrefera għall-Indiċi tal-Korruzzjoni li ġie ppublikat minn Transperency International, fil-ġimgħat li għaddew, u li wera kif pajjiżna niżel għaxar postijiet.

Semma’ wkoll kif il-komunita’ kummerċjali   tistenna li taħdem f’ambjnetnt fejn ċertu sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ governanza tajba ma jitħallewx iseħħu.

Anton Borg saħaq li huma jħossu li hu dmir tagħhom li jitkellmu fuq dak li jinkwethom u li qed iħalli effett fuq il-komunita’ kummerċjali.

Fost temi oħra li tkellem dwarhom Borg kien hemm l-Airmalta fejn qal li l-gvern ta’ Joseph Muscat l-unika azzjoni li ħa kienet li jġedded collective agreements li ddeskrivijhom bħala inaċettabbli.

Dwar l-Airmalta qal wkoll li l-gvern ma jistax jaqbad u jiddeċċoedi li jwaqqaf ċertu rotot li jkunu vitali għal kumpaniji li jgħażlu li jaħdmu minn Malta u li magħhom jimpjegaw mijiet ta’ Maltin.

It-trasferiment ta’ art pubblika lill-privat wkoll ġie trattat fid-diskors tal-President tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ. Hu qal li l-mod kif ġiet trasferita l-art f’San Ġiljan fejn preżentament hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, biex minfloka se tinbena lukanda u appartamenti, qed tqajjem tħassib kbir fost il-membri tal-kamra tal-kummerċ.

Anton Borg fid-diskors tiegħu spjega wkoll x’inhi l-pożizzjoni tagħhom dwar il-paga minima u anke dwar l-enerġija.

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan il-Partit Nazzjonalista qal li d-dikjarazzjonijiet b’saħħithom tal-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija dwar it-tħassib tan-nies fin-negozju bl-iskandli ma jaqtgħu xejn, jikkonfermaw kemm il-pajjiż ma jistax jibqa’ sejjer fid-direzzjoni li qabad taħt Joseph Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-Kamra tal-Kummerċ li n-nuqqas ta’ trasparenza, ta’ serjetà u l-iskandli kuljum idgħajjfu n-negozju, l-investiment u l-ekonomija. Mhux ta’ b’xejn li Malta waqgħet għaxar pożizzjonijiet fl-indiċi ta’ Transparency International, filwaqt li skont stħarriġ tad-ditta internazzjonali EY, il-perċezzjoni fost l-investituri dwar l-istabbilità u t-trasparenza f’Malta ħadet tisbita ta’ 15% ‘l isfel f’sena waħda biss.

F’reazzjoni immedjata, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wiegħed li Gvern immexxi minnu joffri tmexxija serja u onesta bħala l-pedament għal tkabbir ekonomiku u investiment akbar.

“Jiena nwiegħed Gvern li joffri serenità lin-negozju, u fejn min hu fin-negozju ma jkollux l-inkwiet ta’ skandlu wieħed wara l-ieħor,” qal Simon Busuttil.