Lokali

X’passi se jieħu Muscat fuq iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir?

Clyde Puli f'konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Awtorita' tax-Xandir
Il-Partit Nazzjonalista tilef kull fiduċja fiċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, mhux biss għall-mod kif qed timxi mal-ħaddiema tal-Awtorità

Il-petizzjoni bla preċedent li ffirmaw il-ħaddiema kollha tal-Awtorità tax-Xandir kontra ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir titlob azzjoni diretta mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li ma jistax jaħrab minn deċiżjoni oħra li għandu jieħu. Il-Partit Nazzjonalista tilef kull fiduċja fiċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, mhux biss għall-mod kif qed timxi mal-ħaddiema tal-Awtorità, iżda anke għall-fatt li d-deċiżjoni li tmexxi l-uffiċini tal-Awtorità tax-Xandir ittieħdet mhux fl-interess tal-istess Awtorità, iżda fl-interess ta’ terzi.

Dan qalu l-Kelliem għax-Xandir, il-Komunikazzjoni u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċini tal-Awtorità tax-Xandir il-Ħamrun. Clyde Puli spjega kif il-ħaddiema kollha tal-Awtorità ffirmaw petizzjoni kontra l-mod ta’ bullying u ta’ intimidazzjoni li timxi bih iċ-Chairperson tal-Awtorità. Din il-petizzjoni ntbagħtet lill-Prim Ministru, u issa wieħed jistenna li l-Prim Ministru ma jaħrabx mill-emergency exit kif iħobb jagħmel, iżda jieħu deċiżjoni fl-interess tal-istess ħaddiema.

Iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, Tanya Borg Cardona

Clyde Puli qal li meta l-Prim Ministru kien innomina liċ-Chairperson il-ġdida, l-Partit Nazzjonalista kien qal li għandu riżervi dwar din in-nomina, iżda, fi spirtu ta’ kunsens, kien qed jaċċetta din in-nomina, filwaqt li stenna imparzjalità. Issa, sena wara, il-Partit Nazzjonalista tilef kull fiduċja f’din iċ-Chairperson, tant li s-sitwazzjoni spiċċat tali li l-protesti m’għadhomx isiru, għaliex kulħadd jaf li dawn ma jittieħdux bis-serjetà li jixirqilhom.

Dwar id-deċiżjoni li ħadet iċ-Chairperson biex tagħti l-uffiċini tal-Awtorità tax-Xandir lill-Ministeru ta’ Chris Cardona, Clyde Puli staqsa jekk dan it-trasferiment ġiex finalizzat, u jekk il-Prim Ministru tax l-approvazzjoni tiegħu għal dan id-deal. Hu staqsa wkoll jekk mill-binja li sejra fiha l-Awtorità tax-Xandir – skont deċiżjoni taċ-Chairperson – hemmx xi individwi li se jgawdu. Hu staqsa wkoll jekk il-binja l-ġdida hix armata biżżejjed biex isservi bħala uffiċini tal-Awtorità tax-Xandir, li tirrikjedi studios u apparat apposta.

Minn naħa tiegħu, l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ivan Bartolo qal li l-poplu Malti u Għawdxi qed jitlef il-fiduċja kważi fl-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna, b’mod partikolari l-Korp tal-Pulizija, l-Forzi Armati, x-xandir nazzjonali u issa anke l-Awtorità tax-Xandir. Hu qal li għalhekk, pajjiżna għandu bżonn tmexxija ġdida u nadifa, u fakkar li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġà mpenja lilu nnifsu li Gvern ġdid Nazzjonalista jaħtar il-persuni fit-tmexxija ta’ dawn l-istituzzjonijiet b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament.