Lokali

AĠĠORNATA: Il-Gvern jaħtar l-inkjesta dwar indħil politiku; “Jumejn tard u nofs kedda” – PN

Drogi varji - ritratt mill-arkivji

Jumejn wara li ġie żvelat skandlu ġdid ta’ indħil politiku f’każ ta’ traffikar tad-droga, l-Prim Ministru qal li kien qed jaħtar inkjesta biex tistabbilixxi l-fatti tal-każ. Dan wara li aktar kmieni llum, il-Partit Nazzjonalista nsista li l-Prim Ministru għandu jaġixxi b’mod immedjat.

Dan il-każ ta’ ndħil politiku kien żvelat il-Ħadd mill-gazzetta maltatoday.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-ħatra ta’ din l-inkjesta saret jumejn tard, bir-riskju li ġew ipperikolati l-provi li jistgħu jinġabru kontra ż-żewġ politiċi tal-Gvern li allegatament waqqfu lill-Pulizija milli jipproċedu f’dan il-każ.

Filwaqt li l-Prim Ministru għażel li ma jaħtarx ġudikant sedenti biex imexxi din l-inkjesta, l-Partit Nazzjonalista qal li Muscat għadu qed jaħbi t-terms of reference ta’ din l-inkjesta, min huma l-membri kollha tal-bord li qed jagħmlu l-inkjesta, kif ukoll id-data sa meta trid tiġi finalizzata.

Hu ċar li Muscat, flok jiddefendi lit-tfal u liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, qed jiproteġi lill-politiċi mdawrin miegħu li ma jridux il-verità li toħroġ.

Aktar kmieni l-Partit Nazzjonalista qal li d-dewmien biex tinhatar inkjesta huwa skandaluż u qed jipperikola l-provi li jistgħu jinġabru fil-konfront taż-żewġ politiċi tal-Gvern li allegatament waqqfu lill-Pulizija milli jipproċedu f’dan il-każ.

​Il-Partit Nazzjonalista fakkar li dan mhux l-ewwel każ fejn kien hemm indħil dirett tal-politiċi fil-Korp tal-Pulizija f’din il-leġiżlatura.