Lokali

Analizzati filmati tas-CCTV; tfittxija għall-karozza tal-vittma

Uħud mill-cameras tas-sigurta' fi Triq il-Ġiżi
Dalgħodu fit-Triq il-Ġiżi s-skiet kont taqtgħu b'sikkina

Il-Pulizija bħalissa qed tanalizza filmati meħuda minn cameras tas-sigurta’ u li jinsabu fit-triq fejn seħħ id-delitt ta’ David Abela, negozjant ta’ 51 sena.

Ix-xena li sibna fi Triq il-Ġiżi fis-Swieqi kmieni dalgħodu kienet l-oppost tal-bieraħ billejl – skiet taqtgħu b’sikkina, l-ebda movimenti fit-triq, ix-xatba tal-entratura tar-residenza ‘Arzella Xitwija’ imsakkra. Il-Pulizija tal-Forensika ikkonkludew l-istħarriġ tagħhom fid-dar fejn instab il-katavru, u l-investigazzjonijiet ikomplu fuq fronti differenti.

Is-CID bħalissa qed jintensifikaw l-istħarriġ tagħhom fejn diġa’ interrogaw numru ta’ persuni, inkluż qraba ta’ David Abela u nies li jaħdmu miegħu. Qed issir ukoll tfittxija għal karozza tat-tip BMW illi kienet waħda minn diversi vetturi propjeta’ tal-vittma.

Ix-xena tal-bieraħ kienet waħda makabra – il-katavru ta’ Abela instab mis-sieħba tiegħu, Irina Alexandrovna Micallef, imgeżwer f’liżar u f’għadira demm. Idejh u saqajh kienu marbutin b’duct tape.

Nies illi fl-aħħar sigħat għamlu kuntatt ma’ dan is-sit qalulna li r-relazzjoni bejn Abela u s-sieħba Russa kienet marret lura. Tant illi fl-aħħar ġimgħat hu anke għamel rapport fl-għassa ta’ San Ġiljan.

F’dan l-istadju l-Pulizija mhi teskludi l-ebda teżi.

Irina Alexandrovna Micallef, is-sieħba ta’ David Abela, skortata mill-Pulizija tard ilbieraħ bil-lejl