Il-Ministru Laburista Michael Farrugia dawwar id-diskors meta staqsejna dwar ir-rapport tal-FIAU dwar l-iskandlu tal-Panama, Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Meta staqsejna jekk jaħsibx li l-Prim Ministru għandu jitlob lill-Pulizija jinvestigaw ir-rapport tal-FIAU, Michael Farrugia mhux talli ħarab mill-mistoqsija iżda talli dawwar id-diskors. Pressat bil-mistoqsijiet ta’ NET News, Farrugia qal li ‘l-politiċi m’għandhomx jindaħlu dwar investigazzjonijiet li qed jagħmel ħaddieħor’.
L-aġenzija Maltija ta’ kontra l-ħasil tal-flus, l-FIAU għamlet investigazzjoni sħiħa dwar l-iskandlu tal-Panama u l-involviment ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. L-investigazzjoni tmexxiet minn Manfred Galdes, l-eks direttur tal-FIAU. Madanakollu l-istess rapport tħalla fuq l-ixkaffa mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Charles Mangion iddeskriva l-mistoqsija tagħna bħala ‘ipotetika’ peress li ‘l-Prim Ministru diġa għamel l-istatement tiegħu fejn qal li ħadd ma jżomm lill-Pulizija’. Filfatt, kien nhar il-Ġimgħa li għadda meta Muscat farfar ir-responsabbiltà fuq il-Kummissarju meta qal li d-deċiżjoni dwar jekk issirx investigazzjoni dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri hija f’idejn il-Kummissarju tal-Pulizija.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija baqa’ jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ NET News dwar ir-raġuni għaliex għadu ma bediex jinvestiga lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, minkejja rapporti li l-FIAU talbet għall-prosekuzzjoni tagħhom.
//= $special ?>