Ambjent Lokali

FILMAT: Il-villa ta’ bint eks-Deputat Laburista kważi lesta… f’art agrikola u ODZ

Il-villa ta’ tat-tifla tal-eks Deputat Laburista Bertu Pace kważi lesta. Villa li nbniet fuq art agrikola u barra miż-żona tal-iżvilupp fis-Siġġiewi. Bertu Pace huwa wkoll konsulent għas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.

Il-permess ħareġ f’Diċembru tal-2015 f’post bejn dak iż-żmien kien hemm biss garaxx u l-MEPA kienet ħarġet il-permess abbażi ta’ dikjarazzjoni maħruġa minn ħaddiem tad-Dipartiment tal-Agrikoltura li fiha ddikkjara li fil-post kien hemm razzet li m’għadux jintuża.

Filfatt, il-gazzetta The Times kienet irrappurtat li l-permess kien approvat wara ittra mid-Dipartiment tal-Agrikoltura, liema ittra intbgħatet lill-bord tal-MEPA ftit qabel ittieħdet id-deċiżjoni, tant li kienet din l-ittra li bidlet id-deċiżjoni. Filli ma kinitx approvata u filli ġiet approvata.

Dan kien qanqal mistoqsijiet dwar jekk kienx hemm involviment ta’ Bertu Pace fuq l-operat tad-Dipartiment tal-Agrikoltura, peress li Bertu Pace għamel żmien jaħdem ukoll fid-Dipartiment tal-Agrikoltura.

Filfatt fil-media kien ġie allegat li l-ittra mill-Bord tal-Agrikoltura kienet saret minn persuna li ma kellux l-awtorizazzjoni li jiffirmaha. Skont dak li ġie żvelat, uffiċjal tal-Ministeru ta’ Roderick Galdes kien iffirma ittra li fiha kien hemm informazzjoni skorretta, jiġifieri li fejn inbniet il-villa qabel kien hemm razzett.

Minkejja li kienet saret investigazzjoni, il-Gvern kien baqa’ sieket dwar dan il-każ u llum hu evidenti li x-xogħol tħalla jitkompla, tant li l-villa issa kważi lesta.

L-applikazzjoni kienet saret minn Roderick Farrugia, ir-raġel tat-tifla tal-eks Deputat Laburista Bertu Pace. Il-perit fl-applikazzjoni kien id-Deputat Laburista Charles Buhagiar u bil-permess li ngħata mill-MEPA, twaqqa’ garaxx ta’ 25 metru kwadru biex minfloku nbniet villa kbira aktar minn 11-il darba daqs dan il-garaxx, fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Sant Andrija fis-Siġġiewi.

Il-villa nbniet fuq art agrikola u f’żona barra mill-iżvilupp