Knisja Lokali

Għada Ras ir-Randan: Il-Knisja tħeġġeġ lill-Insara biex isumu

L-Arċisqof ta' Malta Mons. Charles J Scicluna - Mill-Arkivji

Għada l-Erbgħa l-1 ta’ Marzu, il-Knisja tagħti bidu għar-Randan Imqaddes, 40 jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna, mal-Kapitlu tal-Katidral, se jerġa’ jibda jiċċelebra l-Quddiesa Stazzjonali ta’ Ras ir-Randan fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fis-18:30. Il-Quddiesa, bis-sehem tal-Maestro u l-Coro di Cappella l-ġdid, tinkludi t-tberik u t-tqegħid tal-irmied.

Dawk kollha li jaħdmu l-Belt Valletta jew jinzertaw il-Belt huma mistiedna jattendu għal din il-Quddiesa.
Matul dan ir-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-Insara biex jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti u jattendu l-Eżerċizzi Spiritwali.

Il-Knisja tfakkar ukoll li f’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, kull min għalaq it-18-il sena u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.

Filwaqt li tinkuraġġixxi l-penitenza fi żmien ir-Randan, l-Knisja tixtieq tfakkar li fost il-jiem u ż-żmienijiet tal-penitenza hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha.