Lokali

GO p.l.c se jkollha Kap Eżekuttiv ġdid

F'Marzu l-kumpanija GO se taħtar Kap Eżekuttiv ġdid

Il-Bord tad-Diretturi ta’ GO p.l.c. se jaħtar Kap Eżekuttiv ġdid minflok Yiannos Michaelides li, fi tmiem ix-xahar id-dieħel se jtemm il-kariga tiegħu biex isegwi opportunitajiet oħra. Michaelides, li kien ilu fit-tmexxija ta’ GO sa minn Lulju 2012. Fi stqarrija l-kumpanija qalet li tul il-mandat tiegħu, GO nediet direzzjoni strateġika ġdida filwaqt li wettqet tiġdid tal-portafoll ta’ prodotti tagħha u bdiet twettaq investimenti strateġiċi sinifikanti. Dan wassal għal kisbiet kbar f’oqsma ewlenin ta’ tkabbir bħalma huma s-setturi tal-multiplay, tal-mobajl, tat-TV u tal-broadband.

L-istqarrija tgħid wkoll li b’mod konsistenti, l-kumpanija żiedet il-qligħ, u kisbet riżultati li, b’mod konsistenti huma aqwa mill-punti ta’ referenza stabbiliti mill-qasam tat-telekomunikazzjoni fl-UE. Infatti l-kumpanija saħqet li bit-tmexxija ta’ Michaelides, GO saret kumpanija ħafna akbar kemm f’termini ta’ dħul u qligħ, b’mod partikolari wara l-akkwist strateġiku tal-maġġoranza tal-ishma f’Cablenet li topera f’Ċipru. Dan kien żvilupp li ġab bidla qawwija għall-aħjar b’implikazzjonijiet pożittivi ta’ influwenza ferm akbar għall-GO, li issa qed topera wkoll f’suq li hu d-doppju tad-daqs tas-suq domestiku tagħha. Barra minn hekk, bl-akkwist strateġiku tal-maġġoranza tal-ishma ta’ Kinetix f’Malta, is-sur Michaelides mexxa d-diversifikazzjoni tal-Grupp fis-servizzi tan-negozju relatati mal-ICT.

Minn naħa tiegħu fl-istqarrija, c-Chairman tal-kumpanija, Nizar Bouguila, qal li taħt it-tmexxija dinamika u ffukata ta’ Yiannos, GO għaddiet minn evoluzzjoni li mhux biss kienet qawwija iżda saret b’pass mgħaġġel u sostnut. Qal li hu stabbilixxa l-pedamenti għal futur promettenti għall-Grupp. Għalhekk, huma jħossuhom tassew grati għall-kontribut pożittiv tiegħu u jixtiequlu l-aqwa fl-impenji futuri tiegħu.