Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista se jixtri l-elettriku minn fejn hu l-irħas

Stqarrija bi tweġiba għall-konferenza tal-aħbarjiet ta’ żewġ Ministri tal-Gvern kontra l-proposti tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jikkonferma li Gvern immexxi minn Simon Busuttil se jixtri l-elettriku minn fejn huwa l-irħas. U d-differenza fil-prezz jgħaddiha direttament lill-konsumatur.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem li Joseph Muscat huwa rrabbjat b’din il-wegħda għaliex b’hekk se jitħarbat il-pjan tiegħu li l-pajjiż jintrabat li jixtri l-elettriku għal tmintax-il sena sħaħ mill-Electrogas bi prezz id-doppju li qed nixtru mill-interconnector. Iżda Joseph Muscat, dan messu rah qabel.

L-impenn ta’ Simon Busuttil li jixtri l-elettriku minn fejn huwa l-irħas huwa fl-aħjar interess nazzjonali għax minnu jgawdi l-pajjiż u jgawdu l-konsumaturi. Il-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat li jixtri l-elettriku bid-doppju tal-prezz mingħand l-Electrogas mhix fl-interess tan-nies.

Il-PN saħaq li l-Gvern flok jagħmel konferenza tal-aħbarijiet biex jipprova jikkonvinċi lill-Partit Nazzjonalista jixtri l-elettriku bi prezz għoli, ikun aħjar kieku l-Ministru Michael Farrugia beda jsolvi l-problema soċjali gravi tal-housing li tant kibret fil-pajjiż taħtu. Wara erba’ snin f’idejn Michael Farrugia, illum hawn eluf ta’ nies ifittxu saqaf fuq rashom u eluf oħra f’sitwazzjoni fejn ma jaffordjawx jikru post fejn jgħixu.