Futbol Sport

Ibrahimovic indeċiż dwar il-futur

Ibrahimovic

L-attakkant ta’ Manchester United Zlatan Ibrahimovic qal li għadu ndeċiż dwar x’se jagħmel wara li jintemm dan l-istaġun. Ibrahimovic qed iħalli impatt mill-aqwa mat-tim li ngħaqad miegħu fis-sajf li għadda u fi tmiem il-ġimgħa skurja anke żewġ gowls fil-finali tal-League Cup biex issa skurja total ta’ 26 gowl mar-Red Devils.

F’kummenti li ta qal li l-fattur jekk jibqax mat-tim jew le sena oħra mhux se jkun jekk Man Utd jikkwalifikawx għaċ-Champions League.

“Meta ngħaqadt ma’ Man Utd it-tim kien diġa’ mhux qed jilgħab fiċ-Champions League, jiġifieri żgur mhux se tkun din il-kompetizzjoni li ġġiegħlni nibqa’ hawn. Għad fadal madwar xahrejn biex jintemm l-istaġun u s’issa jien kuntent li għamilt dak li ħafna ħasbu li ma kontx se nagħmel. Nemmen li tajt risposta lil ħafna nies,” qal Ibrahimovic.

Dan tal-aħħar temm billi żvela li wara li ħalla lil PSG hu kien se jiffirma ma’ tim ieħor imma kienu uliedu li kkonvinċewh biex jingħaqad ma’ Man Utd u jerġa’ jaħdem mal-kowċ Jose Mourinho, kowċ li miegħu kien meta dawn kienu ma’ Inter.