Lokali

Il-EuroCOP se torganizza laqgħa f’Malta

Fi stqarrija L-MPA ħabbret li f'Mejju l-EuroCOP se torganizza għall-ewwel darba laqgħa f'pajjiżna

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta, l-MPA, ħabbret illi f’Mejju , il-EuroCOP, li hi l-Konfederazzjoni Ewropea tal-Pulizija, għall-ewwel darba se tkun qed tiltaqa’ f’Malta bħala parti mill-laqgħat tagħha.

Din il-laqgħa se ssir fit-3 ta’ Mejju. Għaliha hu mistenni li jattendu madwar 65 delegat, li jinkludu kemm rappreżentanti tal-unjins imsieħba tal-EuroCOP kif ukoll rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet oħra.

Il-EuroCOP hija konfederazzjoni li tiġbor fiha 35 unjin tal-Pulizija u organizzazjonijiet simili fl-Ewropa.

F’dawn l-aħħar xhur il-EuroCOP resqet position papers, u qed taħdem fuq oħrajn, quddiem il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew sabiex titlob intervent fuq livell Ewropew, fost oħrajn sabiex ikun hawn standards ta’ taħriġ għall-Pulizija, konsolidazzjoni tad-drittijiet soċjali għall-Pulizija fl-Unjoni Ewropea, saħħa u sigurta’ għall-Pulilzija fuq il-post tax-xogħol, preparazzjoni tal-Pulizija kontra attakki terroristiċi, u miżuri li jipproteġu lill-Pulizija minn atti vjolenti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.