Il-Kummissarju tal-Pulizija irrifjuta, għat-tieni darba f’ġimgħa, li jiġi intervistat. Dan hekk kif wara li rrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet ta’ NET News, il-Kummissarju Lawrence Cutajar issa injora li jipparteċipa f’intervista waqt il-programm ‘Iswed fuq l-Abjad’ ppreżentat minn Frank Psaila.
Ftit tal-jiem ilu, Frank Psaila għamel stedina lill-Kummissarju madanakollu l-Kummissarju injora l-istedina. L-unika tweġiba mill-Pulizija kienet biex tinforma li t-talba għal intervista kienet qed tiġi pproċessata.
Il-ġimgħa li għaddiet, anke NET News mar id-Depot biex jikseb kummenti tal-Kummissarju dwar ir-raġuni għaliex ir-rapport tal-FIAU dwar l-iskandlu tal-Panama tħalla fuq l-ixkaffa. Il-Kummissarju ma kienx aċċetta li jtina kummenti peress li kien bil-leave, u meta bgħattna mistoqsijiet b’email, sempliċiment wieġeb li ma jistax jagħti informazzjoni.
Mistoqsi f’email għaliex irrifjuta intervista rrekordjata, il-Kummissarju wieġeb li “mhux il-policy tal-Kummissarju li jagħti xi tip ta’ intervisti diretti jew irrekordjati”. Dan minkejja li Kummissarji tal-Pulizija preċedenti kemm-il darba dehru fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni f’intervisti varji.
Il-Kummissarju tal-Pulizija qed jaħrab milli jwieġeb dwar ir-rapport tal-FIAU dwar l-iskandlu tal-Panama, Konrad Mizzi u Keith Schembri.
//= $special ?>