Lokali

Il-Kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Sylvester: Spara għax beża’ li l-vittma kien qed iġorr xi bomba

Ix-xena tal-omiċidju fejn instab mejjet Sylvester Farrugia fit-12 ta' Frar 2017

Fil-kumpilazzjoni  tax-xhieda fil-każ ta’ Denilo Magri, xehed l-Ispettur Keith Arnoud li spjega li ż-żewġ persuni li dehru fil-filmat ftit wara l-isparatura li ħalliet lil Sylvester Farrugia mejjet, kienu identifikati mill-Pulizija u anke kienu interrogati.

Deniro Magri akkużat bil-qtil ta’ Sylvester Farrugia

Wieħed mill-persuni kien interrogat qabel ma l-Pulizija rat il-filmat u wieġeb li hu ma kienx ra lil Farrugia matul il-lejl tal-inċident iżda wara li sar jaf bil-filmat, ma wieġeb l-ebda mistoqsija. Ir-raġel l-ieħor ukoll ma weġibx il-mistoqsijiet tal-Pulizija. Għalkemm il-vittma ma kienx magħruf mal-Pulizija, ż-żewġ persuni l-oħra huma magħrufa mal-Pulizija.

Sylvester Farrugia li nqatel fit-12 ta’ Frar li għadda fil-Marsa

L-Ispettur Arnoud qal li l-akkużat spara numru ta’ tiri ta’ pistola, probabbilment tnejn, mit-tieqa tad-dar. Dan meta ra żewġt irġiel resqin lejn il-bieb tiegħu fil-Marsa, b’wieħed minnhom kellu oġġett f’idejh. L-Ispettur ikkonferma li bejn il-bieb tal-aluminium u l-bieb tal-injam kien hemm riħa qawwija ta’ pitrolju.

Skont l-istqarrija tal-akkużat hu ma kellu konflitti ma ħadd bl-Ispettur jgħid li mill-investigazzjonijiet joħroġ li ma tidhirx li kien hemm rabta bejn l-akkużat u ż-żewġ persuni l-oħra u l-anqas mal-mejjet għalkemm irċieva xi theddid fuq il-mobile.

Għal mistoqsija tal-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher parte civile, l-Ispettur qal li l-akkużat meta spara ma kienx jaf li l-irġiel kienu se jippruvaw iqabbdulu d-dar u meta l-akkużat kien mistoqsi għala spara, wieġeb li hekk ġie f’moħħu għax beża’ mill-oġġett li kellu f’idejh wieħed mill-irġiel. Dan għaliex ħaseb li kien qed iġorr xi bomba. L-Ispettur qal li l-akkużat qal li meta spara b’arma mhux illiċenzjata, l-irġiel kienu fit-triq, iżda mhux eskluż li l-vittma ntlaqat meta kien diġà fil-karozza minħabba marki li nstabu fuq is-seat.

L-Ispettur Arnoud sostna li wara l-bieb ta’ Magri nstabet biċċa xkora li tintuża biex jitkebbes in-nar u li bħalha nstabet fil-garaxx ta’ Farrugia fiż-Żurrieq. Mill-banda l-oħra l-Ispettur qal li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u spjega li fejn instab il-vittma ma nstemgħu l-ebda tiri u fl-ebda ħin ma kien hemm rapporti ta’ persuni feruti fil-jum tal-inċident ħlief il-vittma li kellu tir f’dahru li nifidlu l-pulmun.

Id-difiża qed titmexxa mill-Avukati Giannella De Marco, Franco Debono u Gianluca Caruana Curran.