Ħafna tfal immigranti qegħdin isofru vjolenza u abbuż sesswali taħt idejn it-traffikanti tal-bnedmin meta l-Libja qed tinkixef bħala ‘epiċentru jew hub’ għal diversi każi ta’ maltrattament. Ingħad ukoll, f’rapport tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-istess tfal immigranti rari jirrappurtaw l-abbuż li jgħaddu minnu minħabba l-biża’ dwar arrest u deportazzjoni.
Filwaqt li ħarġu ħafna rapporti u analiżi dwar il-perikli assoċjati mal-vjaġġi illegali bil-baħar bejn il-Libja u l-Italja, il-fatturi traġiċi ‘li qed iseħħu fl-art u b’mod partikulari fil-Libja’ jistgħu jkunu anqas familjari.
In-Nazzjonijiet Uniti issa wissiet li ammonti kbar ta’ tfal għadhom qed jissugraw ħajjithom permezz tal-vjaġġi perikolużi mil-Libja għall-Italja u fejn – skont il-UNICEF – madwar 26,000 tifel u tifla, li l-parti kbira ma kenux akkumpanjati minn adulti, spiċċaw jaqsmu l-Mediterran matul is-sena li għaddiet.
Intant, ir-rapport ġdid tal-UNICEF qal li din is-sitwazzjoni traġika tat-tfal, li ħafna minnhom ma jkollhomx il-ġenituri magħhom, saret parti ‘familjari’ tal-istorja ġenerali dwar l-immigrazzjoni tal-massa tul l-aħħar sentejn.
L-aħħar rapport tal-UNICEF fuq it-tema A Deadly Journey for Children jiddokumenta stejjer dwar vjolenza, sitwazzjonijiet ta’ skjavtu u abbuż sesswali li spiċċaw ibatu ammonti kbar ta’ tfal vulnerabbli matul il-vjaġġi lejn l-Italja.
Justin Forsyth, il-viċi-direttur eżekuttiv tal-UNICEF, qal li ‘hu u l-kollegi tiegħu huma xukkjati bil-kbir dwar dak li jgħaddu minnu t-tfal li jaqbdu dik ir-rotta (mill-Mediterran).’ Dan meta numru sostanzjali ta’ tfal spiċċaw suġġetti ‘għal diversi tipi ta’ trattament brutali, fosthom stupru’, b’uħud anki jinqatlu matul il-vjaġġi.
Ir-rapport jinsisti wkoll li ‘madwar nofs in-nisa u tfal (immigranti) intervistati qalu li huma sofrew abbuż sesswali waqt l-immigrazzjoni u, ġieli, f’lokalitajiet differenti, inklużi ċ-checkpoints’. Dan ukoll meta l-Libja, li hi ‘strumentali’ għal daqstant vjaġġi illegali mill-Mediterran, qed tkattar reputazzjoni xokkanti bħala ‘epiċentru tal-abbużi’.
//= $special ?>