Lokali

Il-qtil ta’ David Abela: Is-sieħba waslet Malta it-Tnejn

David Abela flimkien mas-sieħba tiegħu Irina
Rikostruzzjoni tal-omiċidju li seħħ ilbieraġ fis-Swieqi li fih inqatel David Abela ta' 51.

24 siegħa wara li nstab maqtul David Abela ta’ 51 mis-Swieqi, ħarġu diversi fatti dwar dan il-każ.

Il-vittma tal-omiċidju li seħħ fis-Swieqi, inqatel bi tliet daqqiet ta’ sikkina minn tal-anqas. Żewġ daqqiet f’ġenbu, u daqqa ta’ sikkina f’għonqu.

Dan ġie żvelat mill-programm Net Live fuq Net Television fejn ingħataw dettalji ġodda dwar dan il-każ delikat, illi dwaru għaddejin investigazzjonijiet intensivi. David Abela instab mejjet mis-sieħba tiegħu, li hi Russa.

David Abela flimkien mas-sieħba tiegħu Irina

Skont l-aħħar informazzjoni li ksibna, is-sieħba tal-vittma kienet imsiefra u waslet Malta minn Dubaj ilbieraħ stess. Mill-ajruport, hija marret Bugibba b’taxi. U ftit wara, niżlet is-Swieqi ma’ kumpanija ta’ cab services.

Is-sorsi tagħna qrib l-investigaturi qalulna illi waqt dawn it-traġitti li għamlet Irina Alexandrovna Micallef saru numru ta’ telefonati, li l-kontenut tagħhom jista’ jkun kruċjali biex tissolva din il-kobba imħabbla. Ir-Russa qed tgħid li hi sabet il-katavru eżatt malli waslet id-dar minn Buġibba.

Apparti li ġew interrogati ix-xufiera tat-taxis, il-Pulizija dalgħodu reġgħu sejħu għat-tifel il-kbir ta’ David Abela, iżda sa issa ma saru l-ebda arresti.

Nies illi fl-aħħar sigħat għamlu kuntatt ma’ Net News qalulna li r-relazzjoni bejn il-vittma u s-sieħba tiegħu kienet marret lura. Tant illi dan l-aħħar il-vittma kien anke għamel rapport fl-għassa ta’ San Ġiljan.

Ix-xena fi Triq il-Ġiżi fis-Swieqi kmieni dalgħodu kienet l-oppost tal-bieraħ bil-lejl – skiet taqtgħu b’sikkina, l-ebda movimenti fit-triq, ix-xatba tal-entratura tar-residenza ‘Arzella Xitwija’ imsakkra. Il-Pulizija tal-Forensika ikkonkludew l-istħarriġ tagħhom fid-dar fejn instab il-katavru, u l-investigazzjonijiet ikomplu fuq fronti differenti.

Il-Pulizija bħalissa qed tanalizza wkoll filmati meħuda minn cameras tas-sigurta’ u li jinsabu fit-triq fejn seħħ id-delitt ta’ David Abela.

David Abela, ir-raġel li nstab mejjet fis-Swieqi

Id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali qed jintensifika l-istħarriġ tiegħu fejn diġa’ ġew interrogati numru ta’ persuni, inkluż qraba ta’ David Abela u nies li jaħdmu miegħu. Qed issir ukoll tfittxija għal karozza tat-tip BMW illi kienet waħda minn diversi vetturi propjeta’ tal-vittma.

F’dan l-istadju l-Pulizija mhi teskludi l-ebda teżi.