Internazzjonali

Il-qtil ta’ ħu l-President Korean komunista: Żewġ nisa jiffaċċjaw akkużi ta’ omiċidju

Prosekuturi fil-Malasja qalu li se jitressqu akkużi ta’ omiċidju fil-konfront ta’ żewġ nisa li spiċċaw implikati fil-qtil ta’ ħu l-President tal-Korea ta’ Fuq li kien seħħ jiem ilu fl-ajruport ta’ Kuala Lumpur.

Sadanittant l-Avukat Ġenerali tal-Malasja qal li ż-żewġ nisa, li waħda minnhom hi mill-Indoneżja u bl-oħra tissemma bħala ċittadina tal-Vjetnam, jistgħu jiffaċċjaw il-piena tal-mewt jekk jinstabu ħatja. L-akkużi formali ta’ omiċidju fil-konfront taż-żewġ nisa mistennija jitressqu proprju għada.

Qed ikun allegat li n-nisa implikati fil-qtil ta’ Kim Jong-Nam, ħu l-President tal-Korea komunista, Kim Jong-un, kienu ċappsu wiċċ il-vittma b’kimika velenuża waqt li kienu fl-ajruport ta’ Kuala Lumpur.

Iż-żewġ akkużati aktar tard irrakkuntaw li huma ħasbu li kienu qed jieħdu sehem f’xi ċajta għal xi reality show tat-televiżjoni. Intant, in-nisa, issa, se jkollhom jiffaċċjaw akkużi ta’ omiċidju formali li jġorru l-piena tal-mewt f’każ li joħroġ verdett ta’ ħtija.

Għalissa, l-awtoritajiet Malasjani ma ddeċidewx jekk għandhomx iressqu akkużi fil-konfront ta’ raġel mill-Korea ta’ Fuq li wkoll qed jinżamm b’konnessjoni mal-omiċidju ta’ ħu l-President Korean komunista. Dan meta r-raġel u ż-żewġ nisa huma fost xi 10 suspettati identifikati mill-Malasja bħala involuti fid-delitt ġol-ajruport li kien ixxokkja lid-dinja.