Ir-raġel responsabbli mill-inviloppi bl-ismijiet tar-rebbieħa tal-Academy Awards waqt is-serata tal-Oscars (ta’ nhar il-Ħadd) f’Los Angeles qed ikun akkużat ‘bl-iżball’ li wassal għall-ferħa bla temma għal dawk involuti mal-film La La Land.
L-iżball kien wassal biex La La Land ‘jingħata’ l-Oscar għall-Aħjar Film, u fejn, wara, il-premju ngħata ‘lir-rebbieħ xieraq’ – f’dan il-każ, il-film Moonlight.
Sadanittant, Brian Cullinan, accountant ma’ PriceWaterhouseCoopers, suppost li kien għadda l-invilopp bl-isem tal-Aqwa Film lill-preżentaturi, Warren Beatty u Faye Dunaway – b’kelliema għal PWC, fi stqarrija, jgħidu ‘li Cullinan, bi żball, għaddielhom (minflok) l-invilopp ta’ riżerva għall-Aħjar Attriċi f’parti prinċipali’.
Sar magħruf li Cullinan kien bagħat tweet ‘wara l-kwinti’ ta’ ritratt tal-attriċi Emma Stone, minuti biss qabel ‘l-iżball memorabbli’. It-tweet inkwistjoni issa tneħħa.
Skont l-aħħar rapporti, Cullinan kellu sett komplut ta’ inviloppi fuq naħa tal-palk waqt l-Oscars, b’accountant oħra mal-PWC ikollha sett idduplikat fuq in-naħa l-oħra. Dan jispjega għalfejn Emma Stone, li rebħet l-Oscar għall-Aħjar Attriċi u Beatty spiċċaw it-tnejn fil-pussess ta’ invilopp relatat għall-premju tal-Best Actress.
Iċ-ċirkustanzi ħawdu mhux ftit lil Beatty, u kien biss wara li l-produtturi ta’ La La Land kienu bdew id-diskorsi ‘tar-rebħa’ li ġie żvelat li l-Oscar għall-Aqwa Film intrebaħ minn Moonlight. Il-PWC, issa, qal li ladarba seħħ l-iżball, il-protokolli biex jirranġawh ma kenux segwiti malajr biżżejjed minn Cullinan jew mill-accountant l-oħra.
It-taħwida aċċertat tmiem kaotiku għaċ-ċerimonja f’Los Angeles, bl-Akkademja tal-Oscars titlob skuża lill-atturi u n-nies l-oħrajn involuti ma’ La La Land u Moonlight ‘li l-esperjenza tagħhom kienet imtappna minn dan l-iżball’.
//= $special ?>