Lokali

Multa ta’ €2,000 wara li nqabdu jġelldu s-sriedaq

Ritratt mill-Arkivji

Tlett irġiel li lbieraħ instabu ħatja li l-Ħadd kienu involuti fi ġlied ta’ sriedaq, weħlu multa ta’ €2,000 kull wieħed mill-Qorti.

Johan Saliba ta’ 37 sena minn Birkirkara, Adrian Pace ta’ 22 sena minn Ħal Qormi u Matthew Micallef ta’ 21 sena minn Birkirkara kienu fost 25 persuna li kienu arrestati nhar il-Ħadd li għadda waqt raid mill-Pulizija f’Tal- Ħandaq f’Ħal Qormi. Aktar nies mistennija jitressqu l-Qorti dwar dan il-każ. It-tlett irġiel ammettew diversi akkużi dwar moħqrija u sofferenzi ta’ annimali.

Il-Pulizija qalu li huma aġixxew wara li kienu infurmati dwar ġlied ta’ sriedaq. Il-fizzjali tal-Pulizija tkellmu ma diversi irġiel u identifikaw lill-akkużati bħala li kienu involuti fil-ġlied tas-sriedaq.

L-Avukat Edward Gatt li deher għal Matthew Micallef qal li l-klijent tiegħu kien iffilmja biss il-ġlied permezz tal-mobile imma ma kienx involut fil-ġlied tas-sriedaq.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia li dehru għal Johan Saliba saħqu li dan kien l-ewwel każ kontyra l-klijent tagħhom u li kien biss spettatur. L-Avukat Ludwig Caruana ukoll qal li l-klijent tiegħu Adrian Pace kien spettatur.

Nhar it-Tnejn il-Qorti tathom il-libertà proviżorja kontra garanzija ta’ €10,000 sakemm tingħata s-sentenza.

L-akkużati kienu preżenti għas-sentenza.

Il-Qorti ordnat li s-somma ta’ €2,000 li kull wieħed mill-ħatja jridu jiħallsu f’pagamenti ta’ €100.

L-Ispetturi Roderick Agius u Colin Sheldon mexxew il-prosekuzzjoni.

Tags