Lokali

Rabja fost id-diplomatiċi Maltin għall-ħatra tas-sieħeb ta’ Cyrus Engerer

Attivist tal-Partit Laburista tqabbad mill-gvern biex ikun parti mit-tim tal-Kummissjoni Ewropea li se  jitratta Brexit. L-attivist Laburista hu Randolph Debattista, li jiġi s-sieħeb ta’ Cyrus Engerer.

Din id-deċiżjoni tal-gvern wasslet għal rabja kbira fost diplomatiċi ta’ esperjenza kbira fi ħdan Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Dan ġie żvelat fil-gazzetta Times of Malta.

L-artiklu jfakkar kif dan l-attivist , Randolph Debattista,  sa l-aħħar elezzjoni ġenerali kien impjegat tal-Partit Laburista. Wara l-elezzjoni ġenerali Debattista ngħata position of trust u ġie assenjat biex imexxi l-uffiċċju ta’ Marlene Bonnici li hi r-rappreżentant permanenti għal Malta fl-Unjoni Ewropea. L-artiklu jgħid wkoll li b’dik il-pożizzjoni u ngħaqad mas-sieħeb tiegħu li wkoll jaħdem fi Brussell, Cyrus Engerer, li kien instab ħati li xerred materjal pornografiku u sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs.

It-tnejn li huma għandhom salarji ta’ aktar minn €80,000 fis-sena.

Issa Randolph Debattista ntagħżel biex ikun ir-rappreżentant f’isem pajjiżna, waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, fit-tim li qed jitratta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

L-artiklu jirrapporta wkoll li d-diplomatiċi fil-Ministeru tal-Affarijet Barranin u fl-ambaxxati Maltin madwar id-dinja ġew ordnati biex jieqfu jużaw il-logo tal-Presidenza Maltija fil-korrispondenzi tagħhom.