Il-Pulizija f’Berlin wettqu sensiela ta’ rejds fuq proprjetà li hi konnessa mal-moskea li kien jiffrekwenta t-terrorista Tuneżin li, f’Diċembru, saq trakk għal fuq in-nies preżenti għal Christmas Market fiċ-ċentru tal-kapitali Ġermaniża.
F’dak l-attakk kienu mietu 12, b’għexieren oħra jisfaw midruba, bl-aggressur, identifikat bħala Anis Amri, jispiċċa maqtul, jiem wara, waqt sparatura mal-pulizija ta’ Milan, fl-Italja.
Il-qawwiet tal-liġi Ġermaniżi issa organizzaw tfittxija intensiva fi ħmistax il-appartament u, almenu, żewġ kumplessi kummerċjali ta’ Berlin. It-tfittxija inkorporat ukoll xi ċelel tal-ħabs, bir-rapporti jgħidu li l-azzjoni involviet ftit anqas minn 500 membru tal-korp tal-pulizija.
Rapporti oħra qalu li ngħalqet l-organizzazzjoni li kienet tmexxi lill-moskea partikulari, bir-rejds isegwu d-deċiżjoni ta’ jiem ilu biex dik l-organizzazzjoni, magħrufa bħala Fussilet 33, tkun iddikjarata entità ipprojbita. Il-moskea spiċċat magħluqa xi ġimgħa ilu.
Il-prosekuturi qed jgħidu li t-terrorista, Amri, ta’ spiss kien jiffrekwenta l-moskea u li hu mar hemmhekk fl-istess jum meta saq it-trakk għal fuq in-nies fil-Christmas Market.
Il-pulizija jissuspettaw li l-moskea kienet tintuża bħala ċentru fejn ir-rekluti Musulmani għal mal-ISIS kienu jgħaddu minn ‘proċess ta’ radikalizzazzjoni’. Hu anki suspettat li n-nies responsabbli mill-moskea kienu jużawha għall-ġbir ta’ fondi biex jiffinanzjaw attakki mill-ISIS.
Intant, il-Ministru tal-Intern tal-Istat ta’ Berlin, Andreas Geisel, żvela li ‘saru aktar rejds fuq appartamenti’ fl-Istat ta’ Brandenburg u l-belt ta’ Hamburg.
//= $special ?>