Futbol Sport

“Ancelotti hu l-aqwa kowċ Taljan fid-dinja” – Conte

Conte (xellug) kellu kliem ta' tifħir fil-konfront ta' Ancelotti (lemin)

Il-manager ta’ Chelsea Antonio Conte faħħar lill-kowċ ta’ Bayern Munich Carlo Ancelotti u ddiskrivih bħala l-aqwa kowċ Taljan fid-dinja. Conte qal dan ftit jiem ilu hekk kif Ancelotti ċċelebra l-elf logħba tiegħu bħala l-aqwa kowċ. Hu għamel dan bl-aqwa stil hekk kif Bayern umiljaw lil Hamburg u rebħulhom bi skor ta’ 8-0.

Matul il-karriera tiegħu Ancelotti mexxa timijiet bħal ma huma Milan, Chelsea, PSG u Juventus. Hu rebaħ iċ-Champions League tliet darbiet u diversi kampjonati domestiċi fl-Ingilterra, fi Franza u anke fl-Italja.
“Ancelotti hu bla dubju l-aqwa kowċ Taljan fid-dinja u wieħed mill-aqwa fid-dinja. Mhux faċli tilħaq elf partita u mhux biss laħaq dan in-numru imma anke rebaħ diversi unuri. Jien għadni nibda bħala kowċ meta wieħed jikkumpara l-karriera tiegħi ma’ dik ta’ Ancelotti u nittama li nimxi fil-passi tiegħu,” qal Conte.

Bħalissa, Chelsea, taħt it-tmexxija ta’ Conte qegħdin fil-quċċata tal-klassifika tal-Premiership u għandhom vantaġġ ta’ 10 punti fuq l-eqreb rivali tagħhom Tottenham.

Minn naħa tiegħu Conte s’issa mexxa timijiet bħal ma huma Siena, Juventus, Chelsea u anke t-tim nazzjonali tal-Italja.

Intant, rapporti fil-ġurnali Taljani lbieraħ kienu qed jgħidu li Conte laħaq ftehim biex mill-istaġun li ġej jibda jmexxi lil Inter. Dejjem skont dawn ir-rapporti id-diriġenti ta’ Inter offrewlu kuntratt ta’ erba’ snin b’salarju ta’ 15-il miljun ewro. Jekk kemm-il darba Conte jibda jmexxi lil Inter dawn tal-aħħar ma jibqgħux taħt it-tmexxija ta’ Stefano Pioli li nħatar kowċ dan l-istaġun stess.