Il-Ħadd li ġej, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkun qed torganizza ir-raba’ attività mill-istaġun ASMK Pasta Poiatti 2016/2017. Matul din l-attività, se jieħdu sehem il-Karozzi Autocross u l-Muturi Motocross.
Il-Programm se jkun qed jinkludi bi prova tiġrijiet bil-Muturi fuq Fiat Track. Numru ta’ muturi armati apposta se jkunu qed jagħmlu tiġrijiet fil-korsa tal-Karozzi. Dan qed isir b’esperiment u jekk ikun suċċess, l-Għaqda lesta li torganizza attivitajiet kompetittivi għal dan l-isport ukoll. Il-Programm jibda fil-11.00am.
Intant, il-Ħadd li għadda, l-Assoċjazzjoni organizzat it-tieni attività bil-Muturi Trials. L-attività saret fil-Barriera fil-Fawwara Limiti tas-Siġġiewi fejn b’kollox ħadu sehem 10 kompetituri maqsuma f’żewġ klassijiet.
Fi Klassi A kien hemm taqtigħa bejn tliet Riders. Damon Bonello fuq Gas Gas, Antonio Leonardi fuq Gas Gas u Rowen Bonello fuq Beta. Fl-ewwel sezzjoni ta’ sewqan fuq ostakoli, Bonello u Leonardi baqgħu ndaqs fil-punti iżda fit-tieni sezzjoni, Leonardi waqa’ ftit lura u daħal fix-xena Rowen Bonello.
It-taqtigħa kompliet fejn fit-tielet sezzjoni, it-tliet Riders fuq quddiem spiċċaw jagħmlu din is-sezzjoni kollha ‘clean’. Mir-raba’ sezzjoni l-quddiem, Damon Bonello għamel kull sforz biex jiddefendi t-tmun ta’ din il-klassi u rnexxielu jkompli l-ġurnata bl-aħħar tliet sezzjonijiet jagħmilhom kollha ‘clean’. B’hekk Damon ġie ddikjarat rebbieħ segwit minn Leonardi fit-tieni post filwaqt li t-tielet post intrebaħ minn Rowen Bonello. Fir-raba’ post daħal Nick Farrugia fuq Gas Gas.
Fi Klassi B rajna taqtigħa bejn Tony Curmi fuq mutur Beta u Manuel Camilleri fuq mutur Gas Gas. Minkejja li f’diversi sezzjonijiet dawn kellhom punti ndaqs, Curmi mar tajjeb ħafna fit-tieni u t-tielet sezzjoni. Dawn kienu kruċjali għal Curmi tant li rnexxielu jirbaħ din il-klassi b’36 punt ta’ penalità segwit minn Camilleri b’44 punt ta’ penalità. Fit-tielet post daħal Denis Grech fuq mutur Sherco.
Intant ħarsa ħafifa lejn il-klassifika Autocross fejn wara tliet tiġrijiet, fil-Klassi Modified Gordon Johnson fuq Opel Corsa jinsab fuq quddiem b’74 punt segwit minn Philip Joe Vella fuq Opel Corsa ukoll b’65 punt. Fit-tielet post hemm Karl Micallef fuq Ford Fiesta u Joseph Micallef fuq Opel Corsa, it-tnejn b’62 punt kull wieħed.
Fil-Klassi B Modified, Noel Zammit fuq Fiat Punto jinsab fuq quddiem b’17 il-punt segwit minn Keith Borg fuq Vauxhall Nova bi 12-il punt. Fit-tielet post bħalissa nsibu lil Malcom Borg u Joseph Micallef it-tnejn fuq karozzi Opel Corsa b’9 punti.
Fil-Klassi Autocross Standard hemm taqtigħa taħraq fejn l-ewwel tliet kompetitiuri huma bil-punti viċin ħafna ta’ xulxin. Fuq quddiem hemm Deane Farrugia fuq Citroen AX b’25 punt. Ian Fenech fuq Citroen AX għandu 24 punt filwaqt li fit-tielet post hemm Nicovich Chircop fuq Peugeot 206 bi 22 punt. Ir-raba’ post huwa okkupat minn żewġ kompetituri – Melvin Buttigieg fuq Citroen AX u Karl Scicluna fuq Peugeot 106 b’19-il punt kull wieħed.
Iktar informazzjoni wieħed jista’ jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġni tal-facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista’ jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew fuq in-numru 9942 5489.