Lokali

FILMAT: Cardona jsostni li għandu l-appoġġ tal-Prim Ministru

Il-Ministru Chris Cardona jibqa' jostni li dwar il-mandat ta' sekwestru li għamel fil-konfront ta' Daphne Carunana Galizia, għandu l-appoġġ tal-Prim Ministru

Jiena għandi l-appoġġ tal-Prim Ministru u kont infurmajtu b’kollox.

Dan qalu l-Ministru Chris Cardona f’kumment ma’ Net News hekk kif kien mistoqsi jekk għandux l-appoġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-mandat ta’ sekwestru li għamel fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia li kienet żvelat allegazzjonijiet dwar il-Ministru Cardona li kien f’Burdell fil-Ġermanja.

Ma’ Net News il-Ministru Cardona qal wkoll li hu kien informa lill-Prim Ministru bil-passi li kien se jieħu. Qal wkoll li ma jiddispjaċihx mill-passi li ħa.

Il-Ministru Cardona, li hu wkoll id-deputat mexxej Laburista, qal li għandu s-sapport tal-Prim Ministru dwar il-passi li ħa fil-konfront ta’ min ħareġ bl-allegazzjonijiet.

Fil-bidu ta’ Frar Cardona kien qal li l-Prim Minsitru esprima fiduċja sħiħa fih anke wara dan l-iktar skandlu riċenti li kien involut fih.

Skont dak li qed ikun allegat, il-Ministru Chris Cardona waqt żjara fil-Ġermanja marbuta mal-Presidenza ta’ pajjiżna mar f’burdell u allegatament kellu x’jaqsam ma’ prostituta.

Dak li ghamel Chris Cardona ġie deskritt bħala fastidju u intimidazzjoni fuq il-ġurnalisti, u hija biss azzjoni sproporzjonata kundannabbli. Dan kien sostnih is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Ġurnalisti Ewropej, Ricardo Gutierrez, fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-mossa tal-Ministru Chris Cardona illi ordna sekwestru fuq l-assi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Gutierrez kien insista li dan huwa l-ewwel każ serju li seħħ f’Malta u li jikkonċerna ksur tal-liberta’ ġurnalistika.