Lokali Qorti

Ifalli rikors kostituzzjonali minn pulizija involut f’arrest fl-Imġarr fl-2015

Il-każ imur lura għal Mejju 2015 meta l-Kuntistabbli David Camilleri, flimkien ma’ pulizija ieħor Mark Tonna, waqqfu lil ċertu Jean Paul Aquilina fil-limiti tal-Imġarr. Aquilina allegatament irreżista lill-pulizija filwaqt li l-istess Aquilina ilmenta li kien aggredit u msawwat mill-kuntistabbli tal-RIU.

Il-proċeduri kriminali kontra pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) akkużat li uża forza eċċessiva waqt arrest ta’ suspettat, mistennija jitkomplew wara li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivil (Sede Kostituzzjonali) ċaħdet rikors Kostituzzjonali dwar allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali tiegħu.

Il-każ imur lura għal Mejju 2015 meta l-Kuntistabbli David Camilleri, flimkien ma’ pulizija ieħor Mark Tonna, waqqfu lil ċertu Jean Paul Aquilina fil-limiti tal-Imġarr. Aquilina allegatament irreżista lill-pulizija filwaqt li l-istess Aquilina ilmenta li kien aggredit u msawwat mill-kuntistabbli tal-RIU.

L-Ispetturi Ramon Mercieca u Jesmond Micallef, mit-taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Korp tal-Pulizija, kienu interrogaw lil Camilleri dwar l-allegazzjoni ta’ użu ta’ forza eċċessiva u kien ħareġ stqarrija.

Jean Paul Aquilina kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u l-Kuntistabbli Camilleri kien xehed f’dan il-każ. Ftit wara li xehed, David Camilleri kien imsejjaħ mill-ġdid mit-taqsima tal-Affarijiet Interni fejn ta stqarrija oħra.

Wara t-tieni stqarrija, il-Pulizija fetħet proċeduri kriminali kontra l-Kuntistabbli David Camilleri. Kien hawnhekk li Camilleri ressaq rikors Kostituzzjonali fejn ilmenta li nkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu, fosthom id-dritt tas-silenzju biex ma jinkriminax ruħu.

Camilleri allega li l-Ispetturi msemmija ma nfurmawx li kienu se jiftħu proċeduri kontrih u ħallew jixhed fil-każ kontra Jean Paul Aquilina fejn ix-xhieda tiegħu setgħet tinkriminah u tintuża kontrih.

Min-naħa tagħhom, l-Ispetturi Ramon Mercieca u Jesmond Micallef kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali li ssejjħu fil-kawża, ċaħdu li nkisru d-drittijiet tal-Kuntistabbli David Camilleri.

Dan għaliex il-Pulizija għamlitha ċara li fil-proċeduri kontra Camilleri, mhux se jintużaw l-ewwel stqarrija tiegħu u lanqas ix-xhieda tiegħu fil-każ kontra Jean Paul Aquilina. Huma wieġbu wkoll li r-rimedju Kostituzzjonali mhux f’waqtu għaliex Camilleri irid jeżawrixxi ir-rimedji taħt il-liġi ordinarja.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, laqgħet l-eċċezzjonijiet tal-intimati u ċaħdet ir-rikors tal-Kuntistabbli Camilleri.

Il-Kuntistabbli David Camilleri kien assistit mill-Avukat Tonio Azzopardi. L-Avukati Alfred Abela, Robert Abela u Stefano Filletti, flimkien mal-Avukat Roma D’Alessandro mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, dehru għall-intimati.