Lokali Qorti

“Iftħu proċeduri kontrina jew tuna t-tifla lura” – Ġenituri ta’ tifla ta’ 7 snin

Il-ġenituri ilmentaw li ma kellhom ebda kuntatt ma’ binthom minn Diċembru u kien biss meta qarib tagħhom inzerta ra lit-tifla ma’ mara f’Għawdex li saru jafu li binthom tinsab għand foster family f’Għawdex stess.

Il-ġenituri ta’ tifla ta’ 7 snin li ttieħdet mill-kustodja tagħhom f’Diċembru li għadda, fuq suspetti ta’ abbuż minħabba l-mod kif tilgħab bil-pupi fl-iskola, talbu lill-awtoritajiet biex jew jiftħu proċeduri kontrihom jew jirritornaw lil binthom mingħajr iktar telf ta’ żmien.

Fi protest ġudizzjarju kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, il-ġenituri qalu li l-ewwel li saru jafu bis-suspetti tal-pulizija li hemm każ ta’ abbuż sesswali kien fit-12 ta’ Diċembru 2016 wara li l-pulizija ħaduha mill-iskola tagħha.

Il-ġenituri qed jallegaw li l-awtoritajiet ħadu lit-tifla mill-kustodja tagħhom u poġġewha ma’ foster family mingħajr ma infurmawhom, u bbażaw ruħhom biss fuq rapport li sar mill-iskola minħabba li kienet qed tilgħab bil-pupi b’mod suġġestiv.

Fil-protest, il-ġenituri qed jiċħdu bil-qawwa kollha li qatt setgħu abbużaw lil binthom u kkoperaw bis-sħiħ mal-pulizija bit-tama li jitħaffef il-proċess ta’ inkjesta u jirritornaw għall-ħajja normali.

Qalu li rċevew telefonata minn social worker  li qaltilhom li kienet assenjata l-każ tagħhom mill-Qorti u li l-każ kien se jiswiehom €350. Il-ġenituri ħallsu u kkoperaw kemm mas-social worker kif ukoll mal-aġenzija Appoġġ u attendew il-laqgħat kollha li kienu msejjħin għalihom.

Il-ġenituri ilmentaw li ma kellhom ebda kuntatt ma’ binthom minn Diċembru u kien biss meta qarib tagħhom inzerta ra lit-tifla ma’ mara f’Għawdex li saru jafu li binthom tinsab għand foster family f’Għawdex stess.

L-unika informazzjoni li ngħataw kienet mill-Pulizija li t-tifla se tinżamm sakemm titlesta’ l-inkjesta u tittieħed deċiżjoni jekk jinfetħux proċeduri kriminali jew le.

“Hu inaċċettabbli li inkjesta li fiċ-ċentru tagħha hemm tifla ta’ 7 snin, għadha ma tlestietx wara 80 jum. Joħroġ biċ-ċar li l-Istat naqas milli jħares kontra t-tkissir ta’ familja”, saħqu l-avukati u tennew li għandu jinstabu mezzi oħra biex it-tfal ikunu protetti mingħajr ma jittieħdu “miżuri drakonjani”.

Fakkru li filwaqt li kulħadd hu preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati, il-protest ikompli li irrispettivament minn dak li se jiġri, it-tifla diġa’ sofriet danni rreparabbli wara li ttieħdet mill-familja tagħha u tpoġġiet ma’ barranin.

L-Avukati David Camilleri u Joseph Gatt iffirmaw il-protest ġudizzjarju.