L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jittama li jintlaħaq kompromess dwar il-liġi proposta mill-Gvern dwar il-midja u l-malafama, li fost l-oħrajn tinkludi żieda qawwija fil-multi għal-libell kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ siti onlajn.
Dan hekk kif il-liġi proposta tinkludi ħafna ambigwitajiet li wasslu biex il-Partit Nazzjonalista jiddikjara li jneħħi l-affarijiet ħżiena ta’ din il-liġi ladarba jkun fil-gvern, kemm-il darba Gvern Laburista jinjora l-proposti biex din tkun liġi ċara u bilanċjata.
Din il-liġi kienet diskussa waqt laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista bejn il-President tal-IĠM Karl Wright, akkumpanjat minn Mario Schiavone u Roderick Agius u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mid-Drittijiet tal-Internet, Komunikazzjoni u l-Politika Awdjoviżiva Clyde Puli akkumpanjat mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Sam Abela u Errol Cutajar.
Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm bżonn diskussjoni dwar ir-regolamentazzjoni u r-responsabiltà fil-ġurnaliżmu, iżda dan mhux f’każ li tinħonoq l-espressjoni libera, xi ħaġa li l-Partit nazzjonalista lest jiddefendi.
Xogħol il-ġurnalist m’għandux jiġi mxekkel, kompla Clyde Puli li ddikjara li fost l-oħrajn il-Partit Nazzjonalista jemen li l-multi proposti huma esaġerati u m’hemmx qbil mar-reġistrazzjoni tas-siti kollha onlajn.
Clyde Puli tenna wkoll li l-Partit Nazzjonalista tilef il-fiduċja fl-Awtorità tax-Xandir għaliex din ma baqgħetx kredibbli u l-impjegati tagħha ma jistgħux jaħdmu hekk kif fi kliemhom stess, qed jaħdmu f’post tax-xogħol fejn iċ-Chairperson tmexxi bi stil ta’ bullying u ta’ intimidazzjoni.
Il-President tal-IĠM, Karl Wright, ittama li ma jkunx hemm il-bżonn li l-liġi proposta mill-Gvern tinbidel minn Gvern Nazzjonalista, għaliex dan itawwal iżżejjed il-proċess, iżda l-gvern jieħu fil-kunsiderazzjoni tiegħu l-proposti li se jitressqu fil-proċess ta’ konsultazzjoni.
Hu wkoll iddikjara li hemm ħafna affarijiet li mhux ċari u jekk hemm bżonn għandhom jinbidlu. Appella wkoll għat-twaqqif ta’ struttura aħjar li fost l-oħrajn issaħħaħ l-istrutturi preżenti, inkluż fil-ħruġ tal-akkreditazzjoni tal-ġurnalisti.
//= $special ?>