Lokali Qorti

Impjegat jiffroda €368,621 lill-kumpanija fejn jaħdem

 

Raġel ta’ 46 sena li kien jaħdem bħala accounts clerk, tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin u ordnat jagħti lura lill-kumpanija li kien jaħdem magħha s-somma ta’ €368,621 wara li nstab ħati li iffrodaha b’dan l-ammont.

Sandro Grima kien mixli li bejn Awwissu 2007 u Awwissu 2010 iffroda l-imsemmija somma lill-kumpanija Megaline (M&E) Limited u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fis-17 ta’ Settembru 2009.

Kien id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija li talab lill-Pulizija tinvestiga. L-Ispettur Anne Marie Xuereb interrogat lil Grima u eventwalment ressqitu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.  Hu ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u wiegħed li se jirrifondi l-flus.

Il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona iddeskriva l-aġir ta’ Grima bħala “aġir irresponsabbli u deplorevoli” u poġġih taħt ordni ta’ probation għal tliet snin bil-kundizzjoni li jħallas lura lill-kumpanija s-somma li iffrodaha.