Futbol Sport

Infantino jkompli jkabbar it-tamiet tal-Afrikani

Infantino żar il-belt kapitali tan-Niġerja Abuja

Il-President tal-FIFA Gianni Infantino żar il-belt kapitali tan-Niġerja Abuja u waqt iż-żjara reġa’ sostna li se jagħmel dak li wiegħed, jiġifieri li se jżid in-numru ta’ timijiet Afrikani li se jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-2026.

Matul l-aħħar xhur ġie konfermat li fit-Tazza tad-Dinja tal-2026 se jibda jkun hemm 48 tim minflok 32 u Infantino minn dejjem wiegħed li minflok ħamsa, l-Afrika issa se jibda jkollha disa’ jew 10 timijiet li jikkompetu fit-Tazza tad-Dinja.

Infantino żar anke l-belt ta’ Johannesburg fl-Afrika t’Isfel. Din iz-zjara kienet tagħmel parti mill-FIFA Summit li qed isir f’dawn il-ġranet u li għalih qed jattendu xejn anqas minn 54 delegat minn daqstant assoċjazzjonijiet Afrikani affiljati mal-FIFA.

F’Johannesburg, Infantino ltaqa ma’ Danny Jordan, President tal-Assoċjazzjoni tal-Afrika t’Isfel u miegħu t-tema ewlenija kienet proprju ż-żieda tal-finalisti fit-Tazza tad-Dinja.