L-Insara f’Ras ir-Randan u fil-Ġimgħa l-Kbira jastjenu milli jieklu l-laħam f’dawn il-ġranet. Hemm min ukoll li kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa matul l-40 jum tar-Randan jastjeni wkoll milli jiekol laħam u jneħħih mid-dieta’ tiegħu f’dawk il-ġranet. L-astinenza nistgħu ngħidu li hi waħda mill-eqdem tradizjonijiet fir-reliġjon Kattolika.
Sa mill-ewwel seklu, nhar ta’ Ġimgħa, li hi magħrufa bħala l-ġurnata li fiha ġie msallab Ġesu Kristu, hi l-ġurnata li fiha n-nisrani jastjeni mill-laħam biex jonora l-mewt ta’ Iben Alla. Sal-1966, il-Knisja Kattolika kienet tipprojbixxi li wieħed jikkonsma l-laħam nhar ta’ Ġimgħa matul is-sena kollha. Il-liġi Kanonika l-ġdida, iġifieri l-kodiċi tal-Knisja, inbidlet fl-1983 li saret tgħid li l-astinenza trid tiġi osservata fil-jum ta’ Ras ir-Randan u fil-Ġimgħa l-Kbira. Kull nisrani li għandu aktar minn 14-il sena għandu josserva din l-astinenza.
Għaldaqstant, it-tradizzjoni hi li hekk kif Ġesu Kristu offra ġismu għalina fil-Ġimgħa l-Kbira fuq is-salib, l-insara għandhom jogħqodu lura milli jieklu l-laħam bħala tifkira tas-sagrifiċċju tiegħu.
Iżda din l-astitenza tal-‘laħam’ x’tinkludi fid-dieta’?
Fil-kategorija tal-laħam skont it-tradizzjoni, wieħed ma jsitax jiekol l-ebda mammiferu u lanqas tjur. B’hekk l-ikel l-aktar magħruf li wieħed m’għandux jiekol hu ċanga, majjal, tiġieġ, dundjan u papra fost oħrajn. Madanakollu, il-prodotti li jiġu minn dawn l-annimali jistgħu jittieklu, bħal ħalib, butir u bajd.
Iżda fatt interessanti hu li l-ħut ma jaqax taħt din il-kategorija, u filfatt dan il-punt iqajjem diskussjoni kbira fost dawk li jsumu u dawk li ma jsumux.
Il-kelma għal ‘laħam’ fil-Latin hi ‘caro’, li minnha ġejja l-kelma ‘karnivoru’ li tapplika biss għal-laħam u ma tinkludix il-ħut. Fil-passat ukoll, l-laħam kien jiswa’ aktar fil-valur milli l-ħut, u ftit kienu dawk li jiekluh regolarment. Filfatt il-laħam kellu konnotazzjoni mal-festi u ċelebrazzjonijiet – filwaqt li l-ħut qatt ma kien assoċjat hekk. Madanakollu, din il-perċezzjoni llum inbidlet.
Iżda sippost l-astinenza hi forma ta’ penitenza, allura tagħmel sens li wieħed jiċċaħħad milli jiekol biċċa laħam, imma imbagħad imur jiekol ikla tajba lampuki, tonn, sushi jew lobster? Aktar u aktar meta hawn bosta Maltin li l-ikel favurit tagħhom hu l-ħut?
//= $special ?>