Lokali

Jiddefendi l-politiċi tal-Gvern li ndaħlu fil-każ tat-traffikar tad-droga

L-għażla ta’ Frank Testa biex imexxi l-inkjesta dwar l-indħil politiku minn żewġ politiċi tal-Gvern fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex tikkonferma li f’dan il-każ, Muscat qed jiddefendi lil dawn il-politiċi. Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista b’reazzoni għal din l-aħbar.

​Wara li dam jumejn biex ħatar inkjesta – żmien biżżejjed biex il-provi jiġu pperikolati – Muscat għażel lil persuna li manifestament, kif jidher fit-tweets, hu viċin tal-klikka korrotta ta’ pajjiżna. Dan minbarra l-fatt li l-istess Frank Testa hu viċin ħafna Manuel Mallia, li kien il-Ministru tal-Pulizija meta seħħ il-każ. Dan ifisser li Muscat għażel persuna viċin ħafna ta’ Manuel Mallia biex jinvestiga l-operat tal-istess Mallia fil-Korp tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li f’dan il-każ, Muscat qed jerġa joħloq paraventu biex jiddefendi liż-żewġ politiċi tal-Gvern tiegħu li ndaħlu biex jinbidlu statements ta’ żewġ persuni li nqabdu jittrafikaw id-droga. Muscat, għandu, b’mod immedjat:jippubblika t-terms of reference ta’ din l-inkjesta; 7jgħid x’inhi d-data li talab rapport ta’ din l-inkjesta; jgħid jekk hemmx nies oħra ma’ Frank Testa f’din l-inkjesta;  jgħid jekk tkellimx mal-membri tal-Kabinett tiegħu dwar min huma ż-żewġ politiċi li huma nvoluti f’dan il-każ.

Dan hu każ serju u sensittiv. Il-Prim Ministru, iżda, qed jerġa’ jagħżel il-logħba politika flok is-serjetà, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.