“Jidher li f’Malta għamilna ċiklu sħiħ lura fiż-żmien. Il-Partit Laburista ma nbidilx u għandu l-intenzjoni li jibqa’ jgħaddas rasu u jibqa’ miexi minkejja l-oġġezzjoni u l-oppożizzjoni li saret” – isostni dan l-editorjal tal-Independent fid-dawl tal-abozz tal-liġi tal-media u l-malafama.
L-editorjal jibda billi jistqarr li Gvern Laburista għandu d-destin li jibqa’ jerġa’ jirrepeti l-iżbalji li għamel tas-sebgħinijiet. Minn mindu l-Ministri Owen Bonnici u Evarist Bartolo preżentaw l-abbozz ta’ liġi fil-Parlament – li jinvolvi r-reġistrazzjoni mal-Gvern ta’ siti fuq l-internet b’aħbarijiet kurrenti – l-pajjiż sħiħ beda jopponi din ir-reġistrazzjoni u javża lill-Gvern li dan huwa pass li jhedded il-liberta’ tal-espressjoni.
“Din hi ġennata” – stqarr l-editorjal, fejn kompla jgħid li sena qabel l-elezzjoni, meta normalment Gvern jagħmel l-almu tiegħu biex jiġbed il-voti mis-setturi fejn ikun bagħata matul il-leġislatura – dan il-Gvern Laburista qed jagħżel li jgħaddas rasu u jikkonfronta.
The Malta Independent tistqarr li din il-konfrontazzjoni ma hijiex biss mal-poplu Malti, imma wkoll mal-ispirtu Ewropew – aktar u aktar meta issa Malta għandha r-responsabilita’ tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.
Waqt is-siegħa tal-prova bir-responsabilita’ tal-Presidenza Ewropea – minbarra li ġlieda biex iżomm ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna mal-bqija tal-Ewropa minħabba l-iskandli tal-Panama Papers u bosta skandli oħra – issa l-Gvern qed jaffaċċja problema oħra – dik li joħnoq il-liberta’ tal-espressjoni.
L-Editorjal itemm jgħid li hu jħeġġeġ il-Gvern jieħu pass lura fl-interess tal-paċi u d-demokrazija, u jabbanduna l-abbozz ta’ liġi li se toħnoq l-liberta’ tal-espressjoni. Din il-liġi mhux se twaqqaf il-kummenti tal-pubbliku fuq blogs, u siti tal-aħbarijiet.
Liġijiet bħal dawn li joħonqu l-liberta’ tal-espressjoni jinsabu f’pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Ażerbajġan, stqarret il-gazzetta The Malta Independent, pajjiżi li l-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu reputazzjoni tajba magħhom.
//= $special ?>