Raġel ta’ 35 sena minn Ħaż-Żebbuġ u li għandu l-vizzju tad-droga tpoġġa taħt probation għal sentejn wara li ammetta li ħebb għal missieru.
David Bonnici kien mixli li fid-29 ta’ Mejju 2013 ħebb għal missieru Walter u ikkaġunalu ġrieħi ħfief.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli rriżulta li Bonnici kien ilu żmien twil jabbuża mid-droga u kien kontinwament jitlob il-flus lil missieru.
Dakinhar tal-inċident l-akkużat reġa’ talbu l-flus imma l-missier ma riedx u l-iben imbuttah mal-art u beda jagħtih bis-sieq.
Il-missier mar jagħmel rapport fl-għassa bl-Ispettur Roderick Agius iressaq lir-raġel il-Qorti.
Fil-kawża rriżulta wkoll li ma kinietx l-ewwel darba li Bonnici beda programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga imma waqaf.
Kien għalhekk li waqt li sabitu ħati l-Maġistrat Demicoli poġġietu taħt ordni ta’ probation u tagħtu l-aħħar ċans biex jirriforma lilu nnifsu.
//= $special ?>