Kummerċ Lokali

Kulħadd qed iwissi lil Muscat dwar il-korruzzjoni

Wara l-kundanna tal-ġimgħa l-oħra mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ, tasal kundanna oħra fuq il-Gvern Laburista mill-President tal-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem.

“Il-fatt li Malta niżlet 10 postijiet l-isfel fl-indiċi internazzjonali dwar il-korruzzjoni hu sinjal li hu bil-kontra ta’ governanza tajba” – stqarr dan il-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, Arthur Muscat waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-istess Assoċjazzjoni.

F’dan id-diskors, il-President tal-MEA qal li l-perċezzjoni qawwija ta’ nuqqas ta’ trasparenza mill-Gvern ma hijiex tgħin l-investiment lokali u lanqas dak barrani – anzi dan in-nuqqas ta’ trasparenza tkompli d-dgħajjef ir-reputazzjoni ta’ Malta. Arthur Muscat ingħaqad mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ Anton Borg li aktar kmieni din il-ġimgħa ħareġ b’dikjarazzjoni qawwija dwar it-tħassib tan-nies fin-negozju minħabba l-korruzzjoni.

Arthur Muscat kompla billi qal ukoll li t-trasparenza hi element importanti ħafna biex fis-settur finanzjarju jkun hemm livell għoli ta’ impjiegi u b’saħħtu.

Il-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qal li irrispettivament mill-beneffiċji li jiġu mill-investimenti, bejgħ ta’ propjeta’ pubblika barra minn norma ma tgħinx biex ikollok settur tan-negozju aktar kunfidenti u b’saħħtu. Anzi, l-integrita’ tal-istituzzjonijiet tal-Gvern u l-proċeduri stabbiliti tagħhom iridu jkunu aktar sostenuti u inkoraġġjati.

Fuq l-istess nota ta’ kundanna lill-Gvern Laburista, il-President tal-MEA qal li ma huwiex fl-interessi ta’ pajjiżna li Malta tintroduċi għall-ewwel darba f’aspett legali fl-Unjoni Ewropea abozz ta’ liġi dwar il-media u l-malafama li joħnoq l-liberta’ tal-espressjoni. Arthur Muscat qal li abozz ta’ liġi bħal dan hu ispirat minn pajjiżi li għandhom problemi serji fl-aċċess għall-informazzjoni libera.

Għal din ir-reazzjoni tant qawwija ta’ Arthur Muscat il-President tal-MEA, fi stqarrija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li din hi dikjarazzjoni oħra b’saħħitha li tikkundanna l-aktar Gvern korrott f’pajjiżna, u s-sitwazzjoni li ġab lil pajjiżna fih.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jinsisti li pajjiżna għandu bżonn tmexxija li ġġib lura f’pajjiżna s-serenità, fejn nies fin-negozju jkunu jistgħu jaħdmu f’suq li mhux kuljum iqum għal xi skandlu ġdid ta’ korruzzjoni.