Lokali

L-awtopsja tikkonferma li miet bid-daqqa ta’ sikkina f’għonqu

Id-dar privata ta' David Abela, il-post fejn hu nstab maqtul
Il-karozza ta' David Abela nstabet abbandunata f'Pembroke

Kienet daqqa ta’ sikkina f’għonq David Abela illi wasslet għall-mewt tiegħu, bil-vittma jaqla’ b’kollox ħames daqqiet. Hekk ikkonkludiet l-awtopsja li saret fl-aħħar 24 siegħa fuq il-katavru.

Kif ġie żvelat fil-programm NET LIVE ilbieraħ filgħaxija, waħda mid-daqqiet li sofra il-vittma kienet propju f’għonqu. David Abela qala’ ukoll żewġ daqqiet ta’ sikkina f’ġenbu.

Abela, negozjant ta’ 51 sena, allegatament instab mejjet mis-sieħba tiegħu nhar it-Tnejn għall-ħabta tal-5pm, fir-residenza tiegħu fis-Swieqi.

L-inkjesta f’dan il-każ qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella.

Il-karozza nstabet tard it-Tlieta bil-lejl

Kien ilbieraħ għall-ħabta tas-7:15pm meta il-Pulizija sabet il-karozza BMW ta’ David Abela.

Aktar qabel matul il-jum, dan is-sit kien żvela li l-Pulizija qed tfittex din il-karozza, li hija waħda mill-vetturi li kellu l-vittma. Il-BMW instabet f’Pembroke f’zona qrib il-baħar, fejn hemm ir-Reverse Osmosis.