Il-Ħadd il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza Maratona Ġbir ta’ Fondi bħala parti mill-kampanja ‘Għad-Demokrazija u l-Libertà’, li bdiet b’attività f’Tas-Sliema u d-dimostrazzjoni nazzjonali fil-Belt Valletta.
Il-Maratona ta’ nhar il-Ħadd se tkun qed tgħaqqad magħha wkoll il-proġett ‘Ejjew Nazzjonalisti’ li tnieda fil-jiem li għaddew, u li fl-ewwel jiem tiegħu, diġà kien suċċess kbir. F’dan il-proġett, diversi persuni ssieħbu f’familji jew gruppi u qed jiġbru €500 biex, simbolikament, jixtru parti minn mosaic li se jkun qiegħed jitwaħħal fl-entratura tad-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.
Fl-ewwel jiem ta’ dan il-proġett, kienu bosta dawk li diġà ‘xtraw’ parti minn dan il-mosaic, u fid-dawl tal-entużjażmu tan-nies għal dan il-proġett, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed joffri l-opportunità lil min jixtieq biex jieħu sehem f’dan il-proġett nhar il-Ħadd li ġej, waqt il-Maratona Ġbir ta’ Fondi.
Filfatt, il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lin-nies jieħdu l-okkażjoni ta’ nhar il-Ħadd li ġej, biex jingħaqdu fi gruppi u jiġbru €500 biex jixtru parti minn dan il-mosaic. Dawn il-fondi se jkunu qed imorru direttament għall-kampanja elettorali li jmiss.
Meta jitlesta, l-mosaic se jkun qed jirrapreżenta l-arma tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll l-Innu tal-Partit, li jsejjaħ lin-Nazzjonalisti biex “jiġu bl-eluf minn tagħhom fis-siegħa tat-taqbid”.
Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi se ssir fid-Dar Ċentrali minn nofsinhar ’il quddiem, u se tinkludi wkoll open day fl-uffiċji tal-media tal-Partit, fejn in-nies mistiedna jattendu biex jaraw l-operat tal-media.
//= $special ?>