Internazzjonali

Misteru dwar familja li għebet fi Franza

Il-Pulizija fi Franza qed tipprova ssolvi misteru ta’ familja li għebet mir-residenza tagħha fil-periferiji ta’ Nantes.
Il-membri ta’ din il-familja ilhom li għebu ġimagħtejn, u hemm suspetti li aktarx inqatlu. Fid-dar tagħhom instab ħafna demm, li kien jaqbel ma’ dak ta’ tliet membri tal-familja. Kemm fil-kontijiet bankarji ta’ dawk li huma nieqsa kif ukoll fit-telefon ċellulari tagħhom, ma kienet reġistrata ebda attività tul dawn l-aħħar ġimagħtejn. Ir-rapporti qed jindikaw li wieħed mit-tfal, tifel, kellu problemi mentali.
Il-familja Troadec hi magħmula mill-missier u l-omm – Pascal u Brigitte – it-tnejn ta’ 50 sena, u żewġt itfal, Sebastien ta’ 21 sena u Charlotte ta’ 18-il sena. Huma l-aħħar li ntlemħu kien fis-16 ta’ Frar u kienet oħt l-omm li marret tinforma lill-Pulizija.
Il-karozzi tal-familja kollha kienu f’posthom, ħlief għal dik ta’ Sebastien. Fl-2013, it-tifel kien kundannat li jagħmel xogħol komunitarju wara li kiteb xi theddid fuq l-Internet, u fost l-affarijiet kien stqarr li n-nies kienu jitkexku kieku kienu jafu x’kien għaddej minn moħħu.