Mara ta’ 31 sena tpoġġiet taħt ordni ta’ probation għal tliet snin u ordnata li tirrifondi kważi €4,000 wara li ammettiet li sarrfet ċekkijiet b’qerq.
Il-mara, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ammettiet li serqet cheque book u sarrfet żewġ ċekkijiet, wieħed għand pompa tal-petrol u ieħor f’banka tal-lottu. Hi għamlet dan għax kellha bżonn il-flus biex tkun tista’ tieħu lil bintha għall-kura fir-Renju Unit.
Hi kienet akkużata li sarrfet ċekk ta’ €2,945 għad-dannu ta’ Mario Mallia u ċekk ieħor ta’ €950 għad-dannu ta’ Edwin Spiteri.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, ċanfret lill-imputata u qaltilha li jekk kellha bżonn iktar fondi minn dak li jipprovdi l-Istat għall-kura barra mill-pajjiż, hi kellha tirrikorri għand il-Malta Community Chest Fund u Puttinu Cares li żgur kienu jgħinuha .
Il-Maġistrat ħeġġiġha wkoll biex issib impjieg u mhux tibqa tistrieħ fuq is-servizzi soċjali. “Għin ruħek biex Alla jgħinek u mhux tippretendi li l-Istat jidħol garanti għalik meta għandek 31 sena, b’saħħtek u tista’ taħdem”, qal il-Maġistrat Mifsud.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti ċanfret ukoll lill-parte civile u qaltilhom li huma m’humiex awtorizzati jsarrfu ċekkijiet u imbagħad, għax ingidmu, jipprovaw isibu l-kenn tal-Qorti biex jieħdu dak dovut lilhom.
Fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, il-Qorti hi tal-fehma li piena ta’ priġunerija mhux f’lokha u għaldaqstant, il-mara tpoġġiet taħt ordni ta’ probation għal tliet snin. Hi kienet ordnata wkoll li tirrifondi s-somma globali ta’ €3,895 f’rati ta’ €150 kull xahar.
Il-mara kienet assistita mill-Avukat tal-għajnuna legali Lucio Sciriha. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Johann Fenech
//= $special ?>