Carmelo Ciranna, Sqalli ta’ 41 sena, illum kien ikkundannat għal 7 snin ħabs wara li ammetta għal sensiela ta’ xejn inqas minn 15-il serqa minn djar u minn pompa tal-petrol bejn Diċembru u Jannar li għadda.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, ordnat ukoll id-deportazzjoni ta’ Ciranna wara li jkun skonta s-sentenza.
L-Isqalli ammetta li seraq ammont ta’ ġojjelli, tagħmir elettroniku u flus kontanti minn numru ta’ residenzi li l-valur komplessiv tagħhom jaqbeż €100,000. Hu ammetta wkoll li seraq żewġ batteriji ta’ karozzi minn pompa tal-petrol f’Ħal Qormi.
Quddiem il-Qorti, Ciranna talab skuża għal għemilu u wiegħed li jgħin lill-pulizija tirkupra l-oġġetti misruqa u li nbiegħu biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti nnutat li l-akkużat għandu fedina penali kkulurita u li kien reċidiv. Innutat ukoll li Ciranna ingħata diversi opportunitajiet f’ħajtu biex jaqbad it-triq it-tajba iżda naqas milli jaħtaf dawn l-opportunitajiet.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Maġistrat Mifsud ikkundanna lill-akkużat għal 7 snin ħabs u li minħabba li hu ta’ theddida għall-ordni pubbliku f’pajjiżna, il-Qorti ordnat ukoll li Ciranna jkun ripatrijat f’pajjiżu ladarba jiskonta s-sentenza. Il-Qorti rrakkomandat ukoll biex il-ħati jingħata l-għajnuna kollha u t-trattament meħtieġ biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Zahra, Christabelle Chetcuti u Elton Taliana filwaqt li Ciranna kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Noel Bartolo.
//= $special ?>