Futbol Sport

Aħbar mhux mistennija minn Luis Enrique

Luis Enrique ilu jmexxi lil Barcelona minn Mejju tal-2014

Aħbar li qed tittieħed bħala sorpriża minn ħafna, hekk kif wara r-rebħa ta’ 6-1 li Barcelona għamlu lbieraħ filgħaxija kontra Sporting Gijon, il-kowċ tat-tim Luis Enrique ħabbar li mhux se jmexxi lit-tim l-istaġun li ġej wara tliet staġuni fit-tmexxija.

Hu qal li fil-pre-season, kellu laqgħa mad-diretturi ta’ Barcelona Albert Soler u Robert Fernandez li fihom kien qalilhom dwar il-possibbiltà li ma jibqax fit-tmexxija. Id-diretturi kienu qalulu li m’għandux għaġġla biex jieħu d-deċiżjoni, imma Enrique ħass li l-mument wasal, iżda tenna li għad fadal tliet xhur eċċitanti.

Bħal ma kien għamel Pep Guardiola fl-2012, Luis Enrique qal li l-pressjoni kbira li hemm meta kowċ ikun fit-tmexxija ta’ Barcelona, hi fattur fil-ħsieb tiegħu wara din id-deċiżjoni. Barcelona għandhom missjoni diffiċli biex jgħaddu fil-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League wara li tilfu l-ewwel leg 4-0 kontra PSG, iżda jinsabu fit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat filwaqt li fis-27 ta’ Mejju se jilagħbu kontra Alaves fil-finali tat-Tazza tar-Re. Dan ifisser li Luis Enrique għandu ċ-ċans li jżid mat-tmien tazzi li rebaħ mal-Katalani.

Enrique li kien jilgħab ukoll ma’ Barcelona, ħa t-tmexxija tat-tim f’Mejju tal-2014 u mexxa lill-Ispanjoli għat-treble wara li rebaħ iċ-Champions League, il-kampjonat u t-Tazza tar-Re fl-istaġun 2014/2015. Is-sena l-oħra reġa’ rebaħ iż-żewġ tazzi domestiċi.

Fost il-favoriti li jmexxu lit-tim l-istaġun li ġej, qed jiġi rappurtat li hemm il-kowċ ta’ Sevilla Jorge Sampaoli u l-kowċ ta’ Athletic Bilbao Ernesto Valverde.