Lokali Qorti

Anzjan titnaqqaslu sentenza ta’ sentejn ħabs

Kien instab ħati ta’ korruzzjoni ta’ minuri

Giuseppe Calleja ta’ 77 sena li fl-2007 kien instab ħati li għen fil-korruzzjoni ta’ minuri u li ġibed filmati jew ritratti indiċenti ta’ persuna taħt l-età, tnaqqsitlu s-sentenza ta’ sentejn ħabs. Dan wara li l-Qorti tal-Appell sabet li fiż-żmien tal-każ, l-artikoli tal-liġi li kien akkużat li kiser, kellhom piena konsiderevolment anqas minn dik li ngħata.

Fis-sena 2013, Calleja kien instab ħati li fl-2007 u fiż-żmien ta’ qabel kien assista fil-korruzzjoni ta’ persuna taħt l-età kif ukoll li kien ħa ritratti jew filmati ta’ żewġt itfal taħt il-15-il sena f’Raħal Ġdid. Min-naħa l-oħra iżda ma kienx ħati li kkorrompa lit-tfal hu u lanqas li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma persuni minuri.

Hu appella mis-sentenza minħabba li qal li l-persuna involuta fil-każ, jew f’dan il-każ il-ġenituri tagħha, ma kinux fetħu kawża kontrih u kienu l-Pulizija li ressquh il-Qorti. Hu argumenta wkoll li lanqas biss kienu għamlu rapport mal-Pulizija fil-konfront tiegħu u li kienu l-Pulizija li talbu lill-vittma tgħinhom bl-investigazzjoni. Il-Qorti qalet iżda li minkejja li ma kinux ippreżentati rapport bil-miktub, la quddiem il-Qorti Calleja ma talabx prova tar-rapport, ir-rapport jitqies li jkun sar skont il-liġi.

Appell ieħor li għamel Calleja kien li l-liġi applikata dwar l-aċċess ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjoni għal materjal indiċenti ta’ persuni taħt l-età, kienet introdotta f’Diċembru tal-2007. Hu qal li l-kompjuter tiegħu kien elevat mill-Pulizija f’Awwissu tal-2007, u għalhekk din il-liġi kienet introdotta fl-2002 u li għalhekk dan l-argument ma kienx jgħodd.

Id-difiża waqt it-trattazzjoni talbet li f’każ li l-appellant jerġa’ jinstab ħati, tinbidillu s-sentenza biex ma jintbagħatx il-ħabs minħabba l-età avvanzata tiegħu. Madankollu l-Qorti qalet li l-imputat kien konxju u bla dubju matur biżżejjed biex jagħraf li kien kiser il-liġi b’egħmilu. Qalet li aktar minnhekk, b’dak li għażel li jagħmel, Calleja seta’ jwassal biex jitrawmatizza lill-vittmi tiegħu u li hu uża l-qerq biex japprofitta mill-vulnerabbiltà tagħhom.

Il-Qorti qalet li għalhekk is-sentenza tal-ħabs ma tistax tinbidel. Tista’ biss titnaqqas is-sentenza minħabba li fiż-żmien in-kwistjoni l-piena kienet konsiderevolment anqas. Il-Qorti qalet li għalhekk Calleja għandu jiskonta sentenza ta’ sena u tliet xhur ħabs.